E-News fuq Education 22
Education 22 jirreferi għall-istqarrija ta' l-Awtorita' tax-Xandir intitolata "E-News li jixxandru fuq Education22" li fiha l-Awtorita' tat direttiva lill-istazzjon biex tiddedika edizzjoni tal-programm E-news lill-abbozz ta' pjan tal-Partit Laburista dwar l-Edukazzjoni.
L-Istazzjon Edukattiv jixtieq jiċċara li ma kellux għalfejn jistenna d-direttiva formali ta' l-Awtorita' tax-Xandir biex jagħti coverage lill-pjan tal-Partit Laburista dwar l-Edukazzjoni. Dan il-pjan ġie mniedi s-Sibt 27 ta' Mejju waqt konferenza ta' l-aħbarijiet.
Ta' min jgħid li Education 22 ma kienx mistieden mill-MLP għall-konferenza ta' l-aħbarijiet. Mandankollu il-’producer’ responsabbli mill-programm E-news għamlet kuntatt mal-Kelliema tal-MLP dwar l-Edukazzjoni, t-Tnejn 30 ta' Mejju, 2006 hekk kif daħlet għax-xogħol. Dak in-nhar sar appuntament mal-Onor. Carmelo Abela għat-Tlieta 6 ta' Ġunju biex tiġi ffilmjata intervista miegħu. Dan l-appuntament sar għall-konvenzjenza ta' l-Onor. Abela.
Fil-fatt ma' l-Onor. Abela ma saritx biss intervista għall-programm E-News iżda anki intervista ta' kwarta għall-programm "E-News jiltaqa", li diġa' xxandret nhar it-Tlieta li għadda.
Education 22 irid jagħmilha ċara li kemm 'E-News' kif ukoll ”E-News jiltaqa” huma żewġ programmi ta' Ġrajjiet Kurrenti u mhux ta' aħbarijiet tal-ġurnata. Għalhekk iħoss li huwa aċċettabbli li items inklużi f'dawn il-programmi ma jkunux strettament tal-ġurnata.
F'dawn iż-żewġ programmi l-Istazzjon kellu biss l-iskop li jkun informattiv b'tali mod li jidħol fid-dettall dwar suġġetti marbuta mal-qasam edukattiv, ġejjin minn fejn ġejjin. Bħalma għamel din id-darba l-istazzjon ma kellu bżonn l-ebda direttiva biex jinkludi item ta' interess nazzjonali dwar l-edukazzjoni bħalma kienet dik dwar id-dokument tal-Partit Laburista.
Education 22 jieħu pjaċir jinnota l-Awtoritá tax-Xandir fl-istqarrija tagħha għarfet it-titjib sostanzjali li l-istazzjon għadda minnu dan l-aħħar, l-ispazju li jingħataw lil diversi oqsma li ħafna drabi ma jingħatawx minn stazzjonijiet oħra, kif ukoll il-bilanċ u l-imparzjalitá li jinżammu mill-istazzjon fil-programmi ta’ diskussjoni tiegħu. Bħalma dejjem għamel Education 22 se jibqa’ jaqdi l-missjoni tiegħu bħala stazzjon edukattiv għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958