Left arrow Go Back

ILESMISSAIGONGUERRE: MUSICAL SPETTAKOLARI TAL-KAPOLAVURI TA’ SCHÖNBERG U BOUBLIL

pr0861
Date Icon 09/06/2006

Dr Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura, il-lum ħabbar li l-‘Helping Hands Group’ ser itellgħu l-musical spettakolari ‘LesMisSaigonGuerre’ fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-15 ta’ Lulju fit-8.00 p.m. 

Il-kompożitur magħruf Claude-Michel Schönberg ser ikun il-mistieden speċjali, u ser jiġi Malta apposta biex jisma’ l-mużika tiegħu tindaqq f’dan iċ-Ċentru. 

LesMisSaigonGuerre hu meħud mill-kapolavuri ta’ Schönberg u Boublil – Les  Miserables, Miss Saigon u Martin Guerre. Il-kunċert ser ifakkar l-10 anniversarju ta’ musicals li l-‘Helping Hands Group’ jorganizza kull sena. 

Il-‘Helping Hands Group’ huwa grupp ta’ voluntiera magħmul minn għalliema/studenti u ex-studenti ta’ M.A Refalo Post Secondary School, Victoria. Kull sena l-Grupp tella’ b’suċċess xogħlijiet mużikali bħal Jesus Christ Superstar (1997), Les Miserables (l-aqwa biċċiet – 1998), Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat (1999 u 2003), The Best of Musicals (2001), The Scarlet Pimpernel (Malta Premiere 2004), u A Night with the Musicals (2005).   

Din is-sena, bħal snin oħra, il-produzzjoni spettakolari ta’  LesMisSaigonGuerre, fuq skala kbira, għandha tkun waħda ta’ min jaraha. L-Orkestra Nazzjonali, b’70 mużicist, se tkun taht id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Grech, u tkun akkumpanjata minn kor ta’ 100 kantant, li jinkludi kantanti stabbiliti mill-Kor ta’ Sta Monica u l-‘Helping Hands Group’. Il-Cast jinkludi lil Julie Zahra, Ludwig Galea, Pamela Bezzina, Roger Tirazona, Edward Mercieca, Mary Rose Mallia, Mario Portelli, Audrey Bartolo u ħafna oħrajn.  

Id-drittijiet biex isir dan il-musical f’Malta ingħataw minn Cameron Mackintosh Company Ltd,Alan Boublil Overseas Ltd u PRS. Arranġamenti genwini tal-West End London Orchestra ġew mikrija għall-okkazjoni.  Il-qligħ kollu ser ikun b’riżq id-Dar tal-Providenza. 

Kumpaniji ewlenin qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom għal dan il-kunċert, fosthom Hilton Malta, l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu, Bank of Valletta, MelitaCable, Marsovin, go mobile, u Coca Cola. Mingħajr din l-għajnuna ma kienx ikun possibbli li jsir dan il-musical.    

Il-lejla ta’ LesMisSaigonGuerre f’Dar il-Mediterran ghandha tkun wahda ta’ muzika, divertiment, u talent, li tibqa’ tissemma. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-kollaborazzjoni  bejn l-il-‘Helping Hands Group’, l-Orkestra Nazzjonali flimkien ma’ kor ta’ 100 persuna wasslet biex seta’ jittella’ dan il-musical b’risq id-Dar tal-Providenza, li kulħadd jaf x’kontribut tagħti għal dawk bi bżonnijiet differenti u kemm hi kbira l-ħtieġa ta’ finanzjament biex din id-Dar tkun tista’ titmexxa. 

“Il-Maltin qed jingħataw l-opportunità li jsegwu dan il-kapolavur mużikali. Se jkollhom ukoll l-opportunità li bil-preżenza tagħhom f’dan il-musical jikkontribwixxu għal kawża ġusta. Il-‘Helping Hands Group’ hu grupp ta’ voluntiera li għal dawn l-aħħar 10 snin tella’ b’suċċess produzzjonijiet mużikali li ħarġu fil-beraħ it-talenti ta’ għalliema u studenti kif ukoll ta’ mużiċisti u kantanti Maltin. Hu ukoll grupp li rnexxielu jiġbor flimkien dan it-talent kollu biex jagħti lill-poplu Malti produzzjonijiet ta’ livell għoli,” qal il-Ministru Zammit Dimech, filwaqt illi  awgura lil kull min se jieħu sehem f’din il-produzzjoni,  suċċess fil-ħidma tiegħu. 

Wieħed jista’ jakkwista biljetti ghal din l-attivita’ minghand  The Helping Hands Group, Victoria, Gozo fuq numri: 9942 1611, 7955 1582 jew mill-MCC Booking Office: 2559 5750, 2559 5751. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow