Left arrow Mur Lura

Diskors ta’ l-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, fil-ftuħ tal-51 Assemblea Ġenerali tal-European Union of Electrical Wholesalers

pr0859
Date Icon 08/06/2006

Merħba f’Malta, pajjiż li qiegħed jagħmel kull ma jista’ biex isir ċentru kummerċjali ta’ eċċellenza fil-Mediterran u fl-Ewropa.  Punt ta’ komunikazzjoni bejn żewġ kontinenti f’suq globalizzat, fejn kull pajjiż jasal għas-suċċess tiegħu daqs kemm jirnexxielu jkollu ekonomija effiċjenti.  

Nixtieq ngħidilkom merħba wkoll għal din il-51 Assemblea Ġenerali.  Waqt din il-konferenza ser tkunu qegħdin tiddiskunu tliet kwistjonijiet importanti, li huma: 

§                    Effiċjenza fl-enerġija

§                    Skart minn affarijiet elettroniċi u elettriċi (WEEE)

§                    Prodotti counterfeit fl-Unjoni Ewropea 

Nixtieq niffoka fuq l-ewwel issue, partikolarment fid-dawl tal-bidliet li qegħdin iseħħu madwar id-dinja fis-settur taż-żejt u fossil fuel, fejn il-prezzijiet qegħdin jogħlew u qegħdin ikollom effett negattiv fuq l-ekonomiji madwar id-dinja.  Dan qiegħed jaffettwa kemm l-Unjoni Ewropea, kif ukoll d-dinja kollha.  Effiċjenza fl-enerġija hi mod kif din iż-żieda tista’ tiġi mtaffija, u numru ta’ kumpaniji diġa ilhom jaħdmu biex jagħmlu l-prodotti tagħhom aktar effiċjenti. 

Iżda ser nieħu spunt minn dan is-suġġett biex nitkellem ukoll dwar it-terminu ta’ ‘ekonomija effiċenti’ għaliex laqatni punt f’diskussjoni li kelli ma’ l-Assoċjazzjoni Lokali ta’ l-Electrical Importers, fejn dawn irrapportawli li llum ħafna qed jitkellmu fuq ‘efficient energy’ u dan il-kunċett jidher li jidħol sewwa mal-ħsieb ta’ kull Gvern li jaħdem biex ikollu ekonomija effiċjenti u effettiva.  Għalhekk nifhem li llum nistgħu ngħidu li ekonomija effiċenti tenħtieġ enerġija effiċenti. 

Nitkellem dwar ekonomija effiċenti għaliex bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, fejn id-dmir politiku tiegħi huwa li nara li f’pajjiżna l-Gvern joħloq l-aħjar sitwazzjoni fejn in-negozji żgħar tagħna, magħrufa bħala micro enterprises u self-employed, ikunu jistgħu jikbru fin-numru u jkabbru n-numru ta’ l-impjegati tagħhom.  Dan qegħdin inwettquh għaliex il-Gvern Malti jemmen bi sħiħ li meta jkun ta’ għajnuna biex in-negozji żgħar tagħna jaħdmu tajjeb, dawn ikunu kapaċi jistimulaw l-ekonomija b’mod ġenerali u hekk l-ekonomija tagħna tikber.  

Mill-esperjenza tal-ħidma tiegħi, dejjem ħarist lejn il-ħtieġa ta’ ekonomija effiċjenti, inqas burokratika, li kapaċi tifhem lil min qiegħed fin-negozju u tagħti prijorita’ lill-valur tal-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni ma’ kull imprenditur  Ovvjament jinteressani nħares lejn din il-konferenza ta’ livell Ewropew u nagħmel xi osservazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ ekonomija effiċjenti u l-kunċett ta’ enerġija effiċjenti.  

Għalhekk nixtieq li niġbed l-attenzjoni għal xi punti li nixtieq inwassal fil-bidu ta’ din il-konferenza, biex jekk taraw il-ħtieġa, taħsbu aktar fid-dettal dwarhom, għaliex fuq kollox, kemm għal min qiegħed fin-negozju u għal min qiegħed jiggverna, dawn huma sfidi partikolari li ma jmorrux kontra xulxin, iżda jikkumplimentaw lil xulxin.   

Illum intom ilkoll li qegħdin tiltaqgħu f’din il-konferenza ser tkunu qed tiddiskutu ċerti direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea, partikolarment dik magħrufa bħala l-WEEE (Waste from Electronic and Electrical Equipment) directive. 

F’dan il-kuntest, nixtieq li fost il-punti ta’ diskussjoni ta’ l-aġenda, tħarsu wkoll lejn l-impatt pożittiv u negattiv li għandha l-implimentazzjoni ta’ diversi direttivi li għandhom kemm ġew approvati mill-Unjoni Ewropea fuq is-settur tan-negozji żgħar. Id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-prattiċi tal-kummerċ fihom żewġ elementi ta’ interess għal kull Gvern u għal kull imprenditur. Dawn huma l-proċess ta’ konsultazzjoni qabel ma jsir direttiva u dak ta’ wara li tkun ħarġet id-direttiva. 

Fil-proċess li jsir fit-tfassil ta’ direttiva, jiena nemmen li jeħtieġ li jkun hemm aktar konsultazzjoni miftuħa u ġenwina mar-realta ambjentali, bħal fil-każ tal-‘WEEE directive’ kif ukoll konsultazzjoni miftuħa mar-realta’ kummerċjali u imprenditorjali. Wara li tkun approvata direttiva jeħtieġ li jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni komuni bejn l-entitajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tad-direttiva u l-imprendituri. Il-proċess ta’ l-implimentazzjoni huwa proċess delikat ħafna.  Jista’ jagħmel id-direttiva suċċess u jista’ jagħmel direttiva fjask. 

Kollox jiddependi minn kemm l-entitajiet governattivi jkunu kapaċi jifhmu r-realtajiet tas-suq. Direttiva tkun suċċess ukoll kemm-il darba l-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni jkun ġenwin mal-ħtiġijiet ta’ min qiegħed fis-suq u direttiva ma tintużax biex isservi ta’ protezzjoni għal min hu kbir fin-negozju kontra min hu żgħir.  

Ma jistax ikollna kontinwament ir-regola li nibqgħu naħsbu li one rule fits all. Ma jistax ikun fil-fehma tiegħi, li eżerċizzju ta’ implimentazzjoni jwassal biex diversi negozji żgħar ikunu mgħobbija b’piż li ma jifilħuħx. Ma jistax ikun li jkollna Unjoni Ewropea li taħseb kif tkun ekonomija aktar effiċjenti u anqas burokratika; u mbagħad ikollna burokratiċi li meta jimplimentaw direttiva, donnhom qed jagħmlu kruċjata kontra l-kummerċ. 

Iva, naqblu li rridu politika ambjentali sostenibbli, iżda ma jistax ikun li din il-politika jkollha prezz għoli li jissarraf f’kompetizzjoni nġusta. Biex id-direttiva bħal WEEE tkun suċċess fl-implimentazzjoni tagħha, jiena nemmen li l-prinċipju tal-freedom of movement of goods irid jinftiehem differenti.  Bil-freedom of movement of goods kif inhu l-implimentazzjoni tal-WEE, ma tistax tkun suċċess.  

Jiena nemmen li ma jistax jibqa’ jkollna ‘text book solutions’ għal ‘real life situations’.  

Qabel ma tibdew tkunu tekniċi, nixtieq ngħidilkom li bħala politiku, li iżda ġej mill-ambjent imprenditorjali, jiena personalment nixtieq nara ħidma biex id-direttivi li jkunu pproċessati mill-U.E. ma jkunux direttivi li meta timplimentahom issib li qegħdin kontinwament joħolqu burokrazija ġdida li tkompli tagħmel mill-Unjoni Ewropea reġjun ekonomiku anqas kompetittiv mill-bqija ta’ l-ekonomiji l-oħrajn li qed nikkompetu magħhom.  

Jiena nawgura li tkomplu tiddiskutu dwar dak li tkellimt fuqu, u jien dejjem lest li niddiskuti aktar magħkom. Fuq kollox jiena irrid nawgura suċċess lil din il-konferenza u nawgura li tgawdu ż-żjara tagħkom f’pajjiżna. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow