Tkompli Ż-Żjara tad-delegazzjoni parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-Litwanja
Fil-laqgħa li Delegazzjoni Parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej kellha mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin tal-Parlament tal-Litwanja ġiet diskussa l-ħtieġa li l-immigrazzjoni irregolari tiġi trattata fuq livell ta’ Unjoni Ewropea u li l-iStati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom juru solidarjeta’ konkreta ma’ Malta billi jkun hemm burden sharing ta’ din il-problema. F’dan ir-rigward, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin tal-Parlament tal-Litwanja, fuq talba tad-delegazzjoni Maltija, wiegħed li se jitlob lill-Gvern tal-Litwanja biex jikkonsidra jieħu numru ta’ refuġjati minn Malta bħala turija konkreta ta’ solidarjeta’.
Fid-diskussjonijiet li kellha, id-delegazzjoni Maltija spjegat il-vantaġġi li Malta tista’ toffri lill-pajjiżi Baltiċi biex jippenetraw is-swieq ta’ l-Afrika ta’ Fuq u Lvant Nofsani minħabba r-rabtiet tajba li għandha f’dan ir-reġjun u peress li Malta hija l-uniku pajjiż li għandha ftehim mal-Libja dwar double taxation.
Id-delegazzjoni parlamentari Maltija, li kienet immexxija mill-Onor Jason Azzopardi, Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, u magħmula mill-Onor Leo Brincat, l-Onor Jose’ Herrera u l-Onor Clyde Puli, żaret il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvia u l-Litwanja, kellha taħdidiet fuq diversi suġġetti, fosthom it-turiżmu, l-introduzzjoni ta’ l-ewro, is-servizzi u t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, li minnhom ħareġ ċar il-bżonn li pajjiżi żgħar għandhom jikkoperaw aktar bejniethom speċjalment fuq livell ta’ Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958