Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAS-“SETTE GIUGNO” – MISRAĦ SAN ĠORĠ, VALLETTA

pr0856
Date Icon 07/06/2006

It-tifkira tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno issir ta’ kull sena biex il-Parlament Malti jfakkar lin-Nazzjon mhux biss l-għeruq tiegħu, iżda wkoll dak kollu li seħħ biex illum għandna u qed ingawdu d-demokrazija parlamentari f'pajjiżna. Il-wirt prezzjuż li ħallewlna missirijietna nibqgħu ngħożżuh u nkattruh għaliex il-preżent u l-futur tagħna jistrieħ preċiżament fuq valuri li ġew siġillati bid-demm tal-vittmi tas-Sette Giugno tas-sena 1919. 

L-istorja tal-Parlament fil-fatt ma tmurx lura biss sal-ġrajjiet li qegħdin infakkru llum.  Jekk wieħed irid jgħarbel l-istorja twila ta’ l-iżvilupp politiku ta' pajjiżna, bilfors irid jitfa’ ħarstu mijiet ta’ snin lura. Infatti, sa mill-Medjuevu tardiv, Malta u Għawdex gawdew minn gvernijiet muniċipali tagħhom li, għad mhux dejjem eletti b’mod rappreżentattiv, kellhom il-poter li jmexxu l-affarijiet interni tal-gżejjer tagħna.  

Din il-forma ta' gvern muniċipali damet tiġi pprattikata għal mijiet ta' snin. Matul dan iż-żmien kollu ma setax jonqos illi l-poplu tagħna jakkwista esperjenza ta' tmexxija taħt ħakmiet differenti, inkluzi dik tal-Kavallieri u l-ewwel snin ta' l-Ingliżi, sakemm dan it-tip ta' tmexxija safa abolit fis-sena 1818. 

Infatti, wara l-miġja ta' l-Ingliżi, l-iżvilupp kostituzzjonali tagħna mar lura sewwa allavolja kienu żminijiet fl-Ewropa fejn kienet tinstema’ għajta qawwija għal-libertà. Ried ikun imbagħad it-tqanqil tas-Sette Giugno li ġiegħel lill-Gvern Ingliż jagħtina l-ewwel kostituzzjoni ta' self government li tat lil Malta forma ta' gvern responsabbli.  

Il-moviment għall-ħelsien politiku li nistgħu ngħidu li beda fis-snin tletinijiet meta ntalbet id-Dominion Status, u rabba’ l-momentum wara l-gwerra, kien imbagħad determinanti fil-ġlieda għall-indipendenza tal-pajjiż. 

Naturalment waqt dawn is-snin kollha, il-Parlament Malti, li taħt forma jew oħra għandu 'l fuq minn tmenin sena, baqa’ jirrifletti l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tal-poplu. Dak li nirriferu għalih bħala l-Parlament tagħna, fil-verità kellu l-bidu tiegħu bħala Parlament sovran meta daħlet fis-seħħ il-Kostituzzjoni ta’ l-Indipendenza.   

Effettivament bdejna ngħoddu l-leġislaturi parlamentari minn dak iż-żmien biex wasalna sal-leġislatura kurrenti; l-għaxar waħda. 

L-istorja parlamentari tagħna hija waħda tassew interessanti, mera ta' kif il-poplu kien immexxi, għatxan għal-libertà, jaqdef  biex jikseb il-ħelsien politiku tiegħu. Ħafna drabi jaqdef kontra l-kurrent, iżda dejjem koerenti ma’ l-aspirazzjonijiet tiegħu.   

Kif kont semmejt drabi oħra f’okkażjonijiet bħal tal-lum, ix-xewqa ġenerali u l-ħtieġa li tinkiteb l-istorja tal-Parlament Malti, ilha tinħass u llum għandi l-pjaċir u s-sodisfazzjon inħabbar il-pubblikazzjoni ta’ ktieb fuq is-suġġett.  L-awtur huwa l-Professur Godfrey A Pirotta.  Irrid ngħid li l-pubblikazzjoni kellha wkoll il-koperazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni.  Din il-pubblikazzjoni turina kif matul iż-żmien, Maltin veri ta’ kull twemmin politiku stinkaw kemm felħu biex pajjiżna jikseb il-ħelsien politiku tiegħu u fl-istess waqt ikattru l-ġid ekonomiku u soċjali għall-poplu tagħna.  Għaldaqstant, inħossu d-dmir tieghi li f’din l-okkażjoni nsellmilhom u nagħtihom ġieħ f’isem il-poplu kollu. 

Ippermettuli hawnnagħmel osservazzjoni fuq livell personali. B'umiltà nistqarr il-privileġġ u l-unur nagħlaq erbgħin sena nservi l-poplu u l-pajjiżi fil-Parlament tagħna.  Matul dawn is-snin kollha, kont xhud ta’ żviluppi kbar li seħħew f’pajjiżna.  Tul dan iż-żmien, Malta kellha sitt prim ministri u l-Gvern tbiddel minn naħa għall-oħra diversi drabi.  Mill-1966 kien hemm għaxar Speakers.  Saħansitra anke l-istess post fejn jiltaqa’ l-Parlament tbiddel.  Fl-esperjenza twila tiegħi nistqarr li l-Parlament tagħna bid-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet kollha li jiltaqa’ magħhom dejjem qeda lill-pajjiż mill-aħjar li seta'.  

Għalhekk nixtieq nieħu din l-opportunità biex insellem u nirringrazzja lill-membri ta’ l-istaff tal-Parlament, tal-lum u tal-bieraħ, għad-determinazzjoni u dedikazzjoni tagħhom li dejjem urew fil-qadi ta’ dmirijiethom. 

Iżda issa b’mod konkret u realistiku, ejja nħarsu lejn il-futur immedjat.Hija ħaġa ċerta li l-Parlament għandu bżonn urġenti li jiġġedded u fejn hemm bżonn, ibiddel biex jilqa’ għall-isfidi li jinsabu quddiemu. Il-Parlament Malti jeħtieġ li jkollu aktar viżibilità kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.  Jinħass għalhekk il-bżonn li lkoll kemm aħna nuru determinazzjoni u ħeġġa fix-xogħol tiegħu.   

Ilkoll kemm aħna għandna rwol mill-aktar importanti biex inressqu l-Parlament aktar viċin il-poplu.  Mhux biżżejjed li d-dibattiti jistgħu jiġu segwiti minn fuq ir-radju jew permezz ta’ l-internet.  Hemm il-bżonn li jkun hemm aktar kuntatt dirett mal-poplu, mas-soċjetà ċivili u ma’ dawk l-organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinu fit-teħid ta’ deċizjonijiet li jagħmlu ġid lis-soċjetà Maltija.  Il-Kumitati tal-Parlament ukoll jistgħu jservu biex dan il-għan jintlaħaq. 

Hawnhekk irrid infakkar li kont ipproponejt li l-awtonomija tal-Parlament għandha sseħħ.  Daqs sena ilu għaddejt liż-żewġ naħat tal-Kamra rapport imħejji mill-Management Efficiency Unit ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq is-suġġett.  Għadni qed nistenna r-reazzjoni formali u uffiċjali taż-żewġ naħat, kif ukoll ir-reazzjoni fuq ir-rapport dwar ir-reviżjoni ta’ l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.   

Ngħid dan għaliex nemmen li l-Parlamentari tagħna għandhom bżonn ta' faċilitajiet u servizzi superjuri biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom b'ħeffa u b'effiċjenza. Mhux biss biex ikollhom spazju fiżiku minn fejn iservu aħjar lill-kostitwenti tagħhom, iżda iżjed importanti li jkollhom ħin addizzjonali biex jippreparaw ruħhom fil-qadi tad-doveri ta’ kull wieħed u waħda minnhom.

M’iniex se nerġa’ nidħol fl-argument jekk il-Parlamentari tagħna għandhomx ikunu kompletament dedikati għax-xogħol ta’ l-Istituzzjoni.  Diġà esprimejt l-opinjoni fuq hekk u llum nista’ biss insostni dik l-opinjoni b’saħħa akbar.  Iżda ċertament, bil-volum ta’ xogħol dejjem jiżdied, żgur li l-Parlamentari tagħna għandhom il-ħtieġa ta’ aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwettqu sew u b’mod sħiħ il-mandat tagħhom. U għalhekk hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-Membri Parlamentari kollha tax-xoghol fejjiedi li jagħmlu, fuq livell lokali u dak internazzjonali, li għandu jkollu r-rispett u l-istima ta’ kulħadd. 

Inżid ngħid li madankollu, f’dawn l-aħħar snin sar ħafna progress u lkoll nistgħu ngħidu li t-twaqqif tal-Kumitati Permanenti għen mhux ftit biex ix-xogħol tal-Kamra jitqassam aħjar.  Kultant pero' jinħass in-nuqqas ta' koperazzjoni u kollaborazzjoni bil-konsegwenza li dak ir-ritmu ta' xogħol li jkun intlaħaq jiġi affettwat u jieħu ż-żmien biex jerġa’ jirpilja. Għalhekk nerġa’ nagħmel appell minn qalbi lill-Membri kollha biex iżommu quddiem għajnejhom il-bżonn kontinwu ta' tolleranza, rispett reċiproku u rispett lejn l-Istituzzjoni waqt li jkunu qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom kif jixraq. 

Illum, kif diġà ntqal, il-Parlament tagħna huwa wieħed sovran.  Ir-rwol tiegħu qiegħed iwettqu f'realtajiet ġodda li pajjiżna qed jesperjenza. Minbarra l-esiġenzi legislattivi tiegħu, il-Parlament qed jiżviluppa u jmexxi funzjoni diplomatika. Relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra, fl-Ewropa u lil hinn, qed jiġu żviluppati mhux biss f'qafas inter-governamentali, iżda anke fid-dimensjoni parlamentari.   

Il-preżenza tal-Parlament Malti f'istituzzjonijiet bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Parlament Ewropew, l-Unjoni Inter-Parlamentari, l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, l-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropau l-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth kif ukoll f’laqgħat oħra ta’ natura bilaterali u l-parteċipazzjoni tal-parlamentari Maltin li jmorru josservaw proċessi elettorali f’pajjiżi barranin, jirrikjedi l-parteċipazzjoni regolari u professjonali tal-Membri Parlamentari tagħna. 

Biex dan iseħħ bl-aktar mod effettiv fid-diversi fora parlamentari li nipparteċipaw fihom, fejn it-temi jkunu varji u ħafna drabi sensittivi u kumplessi, hemm bżonn li nikkunsidraw b’mod serju x’tip ta’ back-up il-Membri Parlamentari tagħna jista’ jkollhom.  Napprezza li eżerċizzju bħal dan jirrikjedi aktar finanzjament, imma rridu nirrealizzaw li l-Parlament Malti bil-limitazzjonijiet kollha, illum huwa obbligat li jaqdi l-istess doveri ta’ kull Parlament ieħor fl-Unjoni Ewropea.  Ma nistgħux nibqgħu naħdmu bl-għodda ta’ l-imgħoddi.   

Irrid nirrimarka li l-Parlament tagħna jżomm u jorganizza laqgħat f’Malta wkoll.  Infatti, għadu kif organizza b’suċċess is-37 Konferenza tal-Gżejjer Brittaniċi u dawk tar-reġjun tal-Mediterran fi ħdan l-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth.  F’Novembru li ġej, il-Parlament Malti se jorganizza wkoll il-laqgħa ta’ l-Assemblea Parlamentari ta’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li se tinkludi wkoll ir-raba’ Forum fuq il-Mediterran.  Il-Parlament Malti qed jagħti wkoll importanza kbira lill-Mediterran u irrid ngħid illi, bil-perseveranza u insistenza kontinwa tad-delegazzjoni Maltija fi ħdan l-Unjoni Inter-Parlamentari, huwa mistenni illi s-sessjoni inawgurali ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran tiltaqa’ fil-Ġordan f’Settembru li ġej. 

Il-Kumitat Permanenti ta' l-Affarijiet Barranin u Ewropej huwa attiv ħafna, bħal ma huma l-Kumitati l-oħra.  Il-kunċett li l-Parlament jiffunzjona biss biex jgħaddi l-liġijiet u xejn iktar, huwa kunċett pjuttost superat.  Anke fl-isfera leġislattiva, li naturalment tibqa’ r-rwol prinċipali tiegħu, il-Parlament tagħna għandu r-responsabilità u d-dover li jgħarbel   il-proposti ta’ liġijiet li joriġinaw minn Brussell. U dan kollu jrid jagħmlu bl-ikbar reqqa u effiċjenza u fil-ħin dovut, minkejja l-limitazzjonijiet infrastrutturali tiegħu kemm fiżiċi u kemm f'dawk li huma riżorsi umani.  Fi ftit kliem, irid jiffunzjona ta' Parlament Nazzjonali u jilħaq u jlaħħaq ma’ Parlamenti Nazzjonali oħra ferm ikbar minnu, mhux biss fin-numru ta' Deputati, imma wkoll f'sostenn ta' servizzi neċessarji u indispensabbli. 

Huwa f’dan il-kuntest li nisħaq li l-istruttura amministrattiva tal-Parlament tiġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum u ta’ għada.  Irridu nimmodernizzaw biex insaħħu l-effiċjenza u l-produttività.  Fil-fehma tiegħi aktar ma ndumu biex inwettqu l-miżuri meħtieġa, miżuri li Parlamenti oħrajn ilhom li wettqu s-snin, aktar se nkomplu nsibuha tqila li nlaħħqu b’mod effettiv ma’ l-impenji li dejjem qed jikbru u jiżdiedu.  L-impenji tal-Membri Parlamentari mhux biss żdiedu imma saru aktar intensi u speċjalizzati.  Għalhekk il-ħtieġa li jkollhom servizzi ta’ aċċess għal aktar riċerka f’oqsma differenti. 

Wieħed forsi jistaqsi: Imma dan kollu x'għandu x'jaqsam mas-Sette Giugno?  Verament it-tifkira memorabbli ta' dan l-avveniment glorjuż fl-istorja ta' pajjiżna hija fiha nnifisha okkażjoni biex nibqgħu nfakkru s-sagrifiċċju estrem ta' erbgħa minn ħutna fis-sena 1919. Din tibqa’ ħolqa importanti fl-iżvilupp politiku u kostituzzjonali tal-pajjiż tagħna.  Hija okkażjoni fejn l-Istat Malti indika dan il-jum bħala festa nazzjonali fejn jispikka fiha l-profil parlamentari. Għalhekk hija okkażjoni li tridna niffukaw l-iżjed fuq il-Parlament Malti, insemmgħu l-kisbiet tiegħu u nesprimu l-aspirazzjonijiet tiegħu.  U dan ma jnaqqas xejn mill-ġieħ li tistħoqqilha l-festa nazzjonali tas-Sette Giugno. 

Iżda ma nistgħux nistrieħu biss fuq il-kisbiet li għamilna.  Is-sostenibilita’ ta’ dak li wettqet Malta fil-kamp politiku u kostituzzjonali teħtieġ li nimxu maż-żmenijiet u nissuktaw fil-mixja tagħna.  Jekk nieqfu, inkunu fil-periklu li niffossillizzaw jew li nintefgħu lura. 

L-għaqal kbir li wrew missirijietna hemm bżonn li nimitawh. Jekk dan kollu jgħodd fil-kamp politiku, kemm iktar għandu jgħodd fil-qasam parlamentari li huwa s-sors ewlieni tal-leġislazzjoni ta' pajjiżna. Għaldaqstant nagħmel appell sinċier biex inwarrbu d-differenzi żejda ta' bejnietna biex inkunu nistgħu ningħaqdu fl-aspirazzjonijiet nazzjonali fl-interess suprem tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow