Imnedija kampanja edukattiva favur il-kwalita’ fix-xogħol
| “Hemm | bżonn li nrawwmu kuxjenza akbar dwar il-ħtieġa ta’ kwalita’ tajba tal-prodotti li jimmanifatturaw in-negozji tagħna. Diġa’ hawn numru ta’ negozji li qegħdin joperaw tajjeb ħafna u li l-manifattura tagħhom hi ta’ l-ogħla kwalita’, u issa jmiss li negozji oħra jsiru aktar konxji ta’ dan il-bżonn.” |
| Is-Segretarju | Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha giet imnedija kampanja edukattiva favur il-kwalita’ fix-xogħol. Din il-kampanja hi oħra f’sensiela ta’ kampanji edukattivi li s-Segretarjat qiegħed jagħmel fost in-negozji żgħar li jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ l-iMrieħel, il-Ħandaq, il-Mosta u Ħaż-Żebbuġ. |
| Preżenti | għal din il-konferenza kien hemm rappreżentanti mill-Occupational Health and Safety Authority (OHSA), Malta Standards Authority (MSA), Wasteserv u l-Consumer and Competition Division (CCD), li qegħdin jaħdmu flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed fuq din il-kampanja. |
| Is-Segretarju | Parlamentari Edwin Vassallo qal li “b’din il-kampanja edukattiva nixtiequ nistiednu lil min hu fin-negozju biex jaħseb aktar fuq dawn l-erba’ punti: |
§ Nassiguraw li naħdmu f’ambjent nadif
§ Inħarsu saħħet il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol
§ Noffru servizz tajjeb lill-konsumatur
§ Nafu nkunu kreattivi u nnovattivi
“B’dan il-mod, is-Segretarjat ser ikun qiegħed ikompli fuq il-messaġġi li jwasslu entitajiet bħalma huma l-OHSA, l-MSA, is-CCD u l-Wasteserv. Bil-kuntatt dirett li għandna u dejjem kellna mas-settur tan-negozji zgħar nistgħu naħdmu flimkien ma’ dawn l-entitajiet biex fl-aħħar mill-aħħar inwasslu messaġġ li hu maħsub biex itejjeb in-negozju ta’ dawk kollha li jaħdmu f’żoni industrijali. B’din il-koperazzjoni ta’ bejnietna qegħdin inkomplu naħdmu biex in-negozji tagħna jħaddnu mentalita’ aktar imprenditorjali, fejn it-tifsira tal-kelma negozju tmur lil hinn minn sempliċiment profitti, iżda ssir verament tfisser servizz, li mbagħad iwassal għal sodisfazzjon.”
L-Onor. Vassallo kompla billi qal li “wara l-investiment ta’ Lm3 miljun li l-Gvern għamel f’dawn iż-żoni industrijali biex tejjeb l-infrastruttura tal-post u biex dawn iż-żoni issa huma ħafna aktar organizzati, issa l-Gvern qiegħed jinvesti fir-riżorsi umani tal-post u fl-awtoritajiet biex in-negozju f’dawn iż-żoni jitjieb.”
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ġie ppreżentat poster li ġie ddisinjat apposta għal din il-kampanja edukattiva, bl-isem ta’ “Kwalita’ Aħjar Għalik”. Fil-ġimgħat li ġejjin, dan il-poster ser ikun qiegħed jitqassam fiż-żoni industrijali biex il-messaġġ ta’ ħidma favur kwalita’ aħjar tasal fin-negozji kollha.
Is-Segretarju Parlamentari temm billi qal li “dawk in-negozji li jħarsu l-erba’ punti ta’ din il-kampanja ser ikunu qegħdin iħarsu l-kunċett ta’ kwalita’, iżda, aktar minn hekk, mhux ser ikunu qegħdin biss jobdu istruzzjonijiet, iżda ser ikunu qegħdin itejjbu n-negozju tagħhom.”Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958