IL-GVERN IĦABBAR IŻJED INIZJATTIVI FAVUR L-AMBJENT
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino ħabbar il-ħruġ ta’ erba’ tenders bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jħares l-obbligi ambjentali tiegħu u d-determinazzjoni li jmexxi bl-eżempju.
Permezz ta’ tender għall-konsulenza dwar audit ta’ l-enerġija ser ikun jista’ jiġi identifikat il-potenzjal biex wieħed jiffranka mill-konsum ta’ l-enerġija fid-diversi Ministeri. Marbut ma’ dan hemm it-tender għax-xiri ta’ apparat tad-dawl li jagħmel użu aktar effiċjenti mill-enerġija. Iż-żewġ tenders l-oħra huma għax-xiri u t-twaħħil ta’ photovoltaic panels fuq bini tal-Gvern u tender għax-xiri ta’ office waste separation bins li għandhom jikkumplimentaw l-inizjattivi ta’ riċiklar li għaddejjin bħalissa.
Dan tħabbar waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mis-segretarju permanenti ewlieni Dr Godwin Grima, u li ġabet fi tmiem l-attivitajiet kollha organizzati bħala parti mill-Gimgħa Ambjent.
“Permezz ta’ dawn l-attivitajiet ridna nwasslu messaġġ qawwi biex kulħadd jifhem id-diversi aspetti ta’ l-ambjent u anke biex nuru l-progress li għaddej minnu dan is-settur,” qal il-Ministru Pullicino.
Dr Grima qal li s-servizz pubbliku huwa għalqa fertili ħafna għal inizjattivi ambjentali. “Bħala kap taċ-Ċivil għandi kull interess li nara li kultura favur l-ambjent titrawwem fl-uffiċċji kollha tal-Gvern fejn jaħdmu ħafna nies.”
Minn Ottubru ta’ l-2005 sa April ta’ l-2006 il-WasteServ ġabret 56,000 tunellata ta’ skart separat minn 73 dipartiment tal-Gvern. Meta tqabbel il-perjodu bejn Jannar u Marzu ta’ l-2004 u dak ta’ l-2006, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ffranka ’l fuq minn 68% ta’ l-envelops u l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent naqqas 48% fuq il-ħlasijiet tad-dawl meta dawn ġew ikkomparati ma’ dawk tas-sena l-oħra.
Tħabbar ukoll freephone number li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jirrapporta żvilupp illegali; jikkuntattja lit-Taqsima għall-Ħarsien tan-Natura; it-Taqsima għall-Kontroll tat-Tniġġiż; il-Wasteserv; it-Taqsima għall-Indafa Pubblika; jirrapporta rimi illegali ta’ skart; iċempel għas-servizz tal-bulky refuse; jirrapporta każi ta’ annimali mejta f’xi triq jew materjal imwaqqa’ minn vetturi jew trakkijiet; u jikkuntattja lid-Dipartiment ta’ l-Ambjent.
In-numru ta’ dan il-freephone tas-Servizzi Ambjentali hu 8007 2210.
Għal din is-sena, il-Gvern alloka Lm10,000 għal kull Ministeru biex jintlaħqu l-miri ambjentali stabilliti. Fost l-inizjattivi ta’ min isemmi l-ħidma tal-Green Leaders; ir-riċiklar ta’ materjal li jintuża fl-uffiċċju, bħal karta, printers, toners u cartridges; l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, it-twaħħil ta’ photovoltaic panels fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u fil-Kulleġġ San Benedittu; u l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Green Office Label li biha uffiċċji tal-Gvern ser jiġu assessjati għal kemm jilħqu l-kriterji stabbiliti f’operat favur l-ambjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958