Wirja Annwali tal-Bonsai
“L-arti tal-bonsai tlaqqa’ flimkien l-arti, x-xjenza u l-imħabba lejn l-ambjent u b’hekk min jinvolvi ruħhu f’dan il-passatemp mhux biss jieħu gost u japprezza s-sbuħija tan-natura, imma jitgħallem dwar ix-xjenza u l-bioloġija li hemm wara kull siġra u pjanta kif ukoll jiżviluppa l-ħiliet artistiċi li jiġu mill-aprezzament tan-natura” Dan qalu l-Ministru Louis Galea fil-ftuħ tal-15-il wirja annwali tal-Bonsai Culture Group. Il-Bonsai Culture Group hi organizzazzjoni li għandha bħala mira li tħeġġeġ fost il-Maltin l-imħabba lejn in-natura u s-siġar partikolarment lejn is-siġar endemiċi ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Galea qal li fost it-tlett prioritajiet tal-Gvern insibu l-edukazzjoni u l-ambjent - żewġ oqsma li fihom il-Gvern qed iwettaq ħidma intensiva b’investiment qawwi. Hu faħħar il-ħidma tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura li qegħdin iġibu bidliet kbar fl-ambjent ta’ madwarna u qed jaħdmu id f’id mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex it-tfal isiru aktar konxji mill-bżonn li nibżgħu għall-ambjent tagħna u naħdmu biex inkomplu ntejjbuh u dan permezz ta’ programmi u inizjattivi konkreti favur l-ambjent.
Il-wirja qed tittella fis-Sala ta’ taħt il-knisja ta’ San Publiju fil-Furjana u tkun miftuħa nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju bejn il-11:00 u s-13:00 u bejn l-16:00 u t-20:00 u nhar il-Ħadd 4 ta’ Ġunju bejn id-09:00 u s-13:00 u bejn l-16:00 u t-20:00. id-Dħul huwa b’xejn.
L-arti tal-bonsai bdewha iċ-Ċiniżi u warajhom, il-Ġappuniżi. Fl-1834, il-Ġappuniżi kienu għamlu l-ewwel wirja tas-siġar tal-'Bonsai' f’Pariġi u fl-1909 għamlu oħra f'Londra. Wara l-aħħar gwerra, l-arti tas-siġar tal-'Bonsai' bdiet tinfirex fil-Punent ukoll. Hawn Malta, din l-arti dahlet u nfirxet sewwa, tant li l-Għaqda tal-'Bonsai', jew kif inhi magħrufa "Bonsai Culture Group", ilha ħafna mwaqqfa. Għalkemm ħafna jaħsbu li l-bonsai hi xi tip ta’ siġra partikolari, kważi kull tip ta’ siġra tista issir siġra bonsai u fil-fatt siġar endemiċi Maltin bħall-għargħar, żebbuġ, ħarrub, prinjol u ċipress huma fost is-siġar li wieħed jista’ jara fil-wirja.
F’Malta, Guzeppi Busuttil huwa meqjus bhala l-ewwel Malti li zamm u kabbar il-Bonsaj f'dawn il-gzejjer. In-namra tiegħu mal-arti tal-Bonsaj bdiet iktar minn ħamsin sena ilu, meta kwazi ħadd jew ftit li xejn kienu jafu xi ħaġa dwar l-arti tal-Bonsai f’pajjiżna. Is-sigar li kabbar Guzeppi huma ta' għamliet u sura li jvarjaw minn sempliċi, sa oħrajn mibrumin sew, imma lkoll huma maturi u ħafna minnhom għadhom sal-lum mimlijin ħajja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958