Left arrow Go Back

L-art li fuqha ssir agrikoltura organika ser tirdoppja sa’ l-aħħar ta’ din is-sena

pr0832
Date Icon 02/06/2006

”Bħalissa hemm 7 produtturi li jużaw metodi organiċi b'total ta’ 13-il ettaru ta’ art. Jien infurmat li hawn tliet produtturi oħra interessati u li mistennija jaqilbu għal biedja organika f’qasir żmien.  L-art agrikola li tintuża b'metodi organiċi se tkun irduppjat sa’ l-ahhar ta’ din is-sena.”  Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt żjara li hu għamel lil bidwi li juża metodi organiċi fl-inħawi tal-Fawwara, limiti tas-Siggiewi.  Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd, Dott. Frans Agius.

Din iż-żjara kienet tifforma parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa Ambjent li qed isiru biex jitfakkar Jum l-Ambjent.

Il-Ministru Pullicino qal li bħala vetrina tal-ħarsien ambjentali permezz ta’ prattiċi agrikoli sostenibbli, din is-sena għażilna li niffukkaw fuq l-agrikoltura organika.  Hu tenna kif il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar tlett snin jippromwovi l-agrikultura organika billi  jinforma lill-publiku fuq il-benefiċċji tal-prodotti organiċi u jgħin lill-bdiewa li jkunu interessati fil-prodotti organiċi.

Apparti l-għajnuna li ta lill-bdiewa li jipprattikaw l-agrikoltura organika, l-Gvern qed jgħinhom ukoll billi jippromwovi l-prodott tagħhom fil-fieri agrikoli kollha li jieħu sehem fihom.  Pullicino qal li l-Gvern qed jgħinhom lill-bdewa jsibu swieq lokali għal prodotti tagħhom mhux biss bil-promozzjoni li tingħatalhom fil-fieri imma anke billi jinstabu metodi oħrajn ta’ bejgħ. Il-Gvern qed jinnegozja bħalissa bejgħ ta’ prodotti organiċi ma’ Organizzazjoni ta’ Produtturi li dawn ikunu jistgħu jippakkjaw u jqassmu l-prodott tagħhom u jsibulhom swieq adattati.

Il-Gvern qed jipproteġi lill-bdiewa organiċi billi jissalvagwardjahom minn frodi u produtturi oħrajn li jkunu qed jużaw ħażin l-isem tal-prodotti organiċi. 

Il-Ministru Pullicino qal li l-agrikoltura organika hija importanti mhux biss għax tgħin lill-bdiewa jsibu swieq aħjar għal prodotti tagħhom imma wkoll għax huwa metodu agrikolu li mhux talli ma jagħmilx hsara lill-ambjent iżda saħansitra jagħmillu l-gid.  L-agrikoltura organika tghin biex izzid il-biodiversita’ fil-hamrija, tgħin biex tnaqqas pestiċidji u kimika fil-ħamrija, u tgħin ukoll billi tikkreja habitats tajbin għall-annimali fejn ikunu jistgħu jgħixu fihom bhala refuġju, speċjalment fil-buffer zones li jintużaw mad-dawra ta’ l-għelieqi.

Il-Ministru Pullicino faħħar il-ħidma li ssir mill-Moviment għall-Agrikoltura Organika f’Malta, il-MOAM u qal li s-sezzjoni ta’ l-agrikultura organika ngħaqdet mal-MOAM biex jitħajru bdiewa ohra billi jaqilbu għall-agrikultura organika. Il-MOAM hija għaqda speċjalizzata ta’ bdiewa li huma ċertifikati li jipproduċu b'metodi organiċi. Dawn qed jagħmlu ħafna xogħol siewi ma’ bdiewa oħrajn billi jħajruhom jaqilbu billi juruhom l-eżempju tagħhom. Il-MOAM qed tagħmel laqgħat regolari f'lokalitajiet differenti biex isibu bdiewa ġodda interessati jaqilbu għall-proċess organiku. Is-sezzjoni ta’ l-agrikultura organika tgħin lil dawn il-bdiewa biex jaqilbu u tgħinhom iġibu ċ-ċertifikazzjoni u jkunu bdiewa organiċi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd spjega kif il-Biedja Organika hija metodu ta' produzzjoni agrikola li jipproteġi kemm l-ambjent u anki l-bidwi. Apparti li ma tintużax kimika artifiċjali li tista’ tagħmel ħsara lill-ambjent u l-biodiversita’, lill-bidwi tgħinu b'mod doppju. L-ewwel nett billi ma jużax kimiċi sintetiċi li jista’ jagħmillu ħsara għal saħtu, u t-tieni għax b'dan il-prodott, jgħinu  isib suq aħjar għal prodott tiegħu, u b'hekk jkun jista’ jkollu qliegħ ogħla.

Dr Agius qal li l-Biedja Organika hija ukoll ta’ benefiċju għal konsumatur. Dawn il-prodotti jkunu garantiti li ma jkollhomx bexx u kimika artifiċjali fihom minħabba ċ-ċertifikazzjoni. Il-bdiewa jkunu sorveljati minn korp ta' ċertifikazzjoni matul is-sena kollha, li fil-każ ta’ Malta huwa l-Malta Standards Authority. Minhabba f'hekk hawn suq tajjeb għal dan il-prodott partikolarment mill-familji. Il-prodotti jinħatfu mal-ewwel u hawn iktar domanda milli hawn prodott. Kull meta ssir xi fiera u jinbiegħu prodotti minn dawn, il-bejgħ ikun tajjeb ħafna avolja ikun bi prezz ogħla.

“Dan il-bidwi li ġejna inżuru illum,” qal Dr Agius, “apparti li jipproduċi żejt ta' kwalita’ b'metodi organiċi, juza l-prinċipju ta' l-agroturiżmu biex jipromwovi l-prodott tiegħu u anki l-qasam agrikolu tiegħu li jinstab f'żona protetta ta’ importanza internazzjonali. Dawn il-bdiewa u l-agrikultura organika huma pijunieri mhux biss għal prodott tagħhom imma anki għal mod kif jippromwovuh. L-idea tagħhom li jattiraw it-turisti fil-qasam u juruhom kif huma jkabbru l-prodott b'metodi li ma jgħamlux ħsara lill-ambjent qed iġibilhom il-vantaġġi, mhux biss fil-bejgħ tal-prodott, imma anki li l-klijent japprezza t-tbatija li tkun saret biex tkabbar dak il-prodott”, temm Dr Agius.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow