Tfal ta’ l-EkoSkola jressqu mozzjoni lill-Kamra tad-Deputati
Tfal minn skejjel li jieħdu sehem fil-programm EkoSkola ressqu mozzjoni lill-Kamra tad-Deputati bil-ħsibijiet tagħhom dwar l-istat ta’ l-ambjent f’Malta. Din hija t-tieni sena li tfal mill-EkoSkola qed iressqu mozzjoni dwar il-qagħda ambjentali f’pajjiżna lill-Membri tal-Parlament biex dawn jirrikonoxxu u jappoġġaw ix-xogħol siewi li qed jagħmel il-programm EkoSkola.
Din is-sena, it-tfal ħadmu ma’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar biex permezz ta’ diversi mezzi tax-xandir, gazzetti, websites u performing arts, għamlu l-verżjoni tagħhom ta’ l-iState of the Environment Report li ppubblikat il-Mepa dan l-aħħar. Permezz tal-mozzjoni, it-tfal appellaw lill-Membri Parlamentari biex iwegħduhom li kull deċiżjoni li tittieħed fil-Kamra tkun fl-aħjar interess tal-lum u tal-ġejjieni “sabiex tabilħaqq ikollna ambjent tajjeb biex ngħixu fih u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu s-sbuħija ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin”.
It-tfal qalu: “Permezz ta’ l-EkoSkola aħna nħossuna li qed nagħtu sehemna bħala ċittadini għat-titjib ta’ pajjiżna minn issa. Imma l-ġejjieni tagħna jinsab ukoll f’idejkom Onorevoli Membri Parlamentari. Nagħmlu x’nagħmlu aħna, intom għandkom is-setgħa li tiddeċiedu xi kwalità ta’ ambjent se jkollna aħna għada.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu li jara l-impenn tat-tfal fil-qasam ambjentali. “L-edukazzjoni ambjentali hija fil-qofol tal-politika tal-Gvern biex iħeġġeġ imġieba sostenibbli għal ambjent dejjem aħjar. Nieħu gost nara wkoll it-tfal jirrikonoxxu s-sehem li għandhom il-media fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u kif dawn jgħinuna nwasslu l-messaġġi tagħna kif kull wieħed u waħda minna jista’ jgħin biex intejjbu l-ambjent.”
Il-Ministru Pullicino qal li bħalissa hemm ‘il fuq minn 100 skola li għandhom sistema għas-separazzjoni ta’ l-iskart. Il-WasteServ tiġbor mill-iskejjel medja ta’ 2,000 kgs ta’ karta, 400 kgs ta’ plastik, u 70 kgs ta’ batteries fix-xahar.
Għadd ta’ skejjel bdew ukoll inizjattivi ta’ composting. Studji juru li ‘l fuq minn 60% ta’ l-iskart organiku jista’ jinbidel f’compost u b’hekk jitnaqqsu l-gassijiet ta’ l-effett serra. Tunellata ta’ dawn il-gassijiet hija biżżejjed biex tniġġes l-arja ta’ dar fuq żewġ sulari. Jekk jagħmlu l-compost, familja ta’ tliet min-nies jistgħu inaqqsu dawn il-gassijiet b’iktar minn 125kgs fis-sena.
EkoSkola huwa programm internazzjonali ta’ edukazzjoni ambjentali. Jieħdu sehem f’dan il-programm hemm madwar erba’ miljun u nofs tifel u tifla f’aktar minn 14-il elf skola mxerrda ma’ 37 pajjiż differenti. In-Nature Trust (Malta), f’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, introduċiet dan il-programm f’Malta fl-2002. In-numru ta’ skejjel f’EkoSkola żdied minn sitta għal 42. Tnejn minn dawn l-iskejjel ħadu l-Bandiera l-Ħadra, li hi ċertifikat magħruf mad-dinja kollha li juri li l-iskola li rċevietu hi impenjata bis-serjetà fil-ħarsien ta’ l-ambjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958