IL-PRIM MINISTRU F’LONDRA BIEX JATTENDI LAQGĦAT MARBUTA MAR-RESPONSABILTAJIET TIEGĦU BĦALA CHAIRPERSON-IN-OFFICE TAL-COMMONWEALTH
Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi bħalissa jinsab Londra fejn ser ikollu diversi laqgħat marbuta mar-responsabiltajiet tiegħu bħala Chairperson-in-Office tal-Commonwealth.
Huwa ser jiltaqa’ ma’ Don McKinnon, is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth sabiex jiddiskuti miegħu l-iżviluppi fil-Commonwealth wara ċ-CHOGM li sar f’Malta f’Novembru li għadda. Il-Prim Ministru ser ikollu wkoll laqgħat mal-Kummissarji Għolja tal-Commonwealth u ma’ l-istaff tas-Segretarjat tal-Commonwealth u l-Commonwealth Foundation.
Id-diskussjonijiet ser jinkludu wkoll il-qasma diġitali, ir-rwol tal-Commonwealth fit-tisħiħ tad-demokrazija, l-aħħar żviluppi fid-Doha Round tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-promozzjoni tar-rispett bejn kulturi u twemmin differenti, is-sħubija fil-Commonwealth, appoġġ lil stati żgħar u l-iżvilupp sostenibbli.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru, li ser ikun akkumpanjat mis-Sinjura Gonzi, ser jiltaqa’ mal-Maltin li jinsabu għall-kura medika f’Londra. Illejla huma ser jiltaqgħu magħhom, mal-familjari tagħhom u ma’ l-istaff mediku li qed jakkumpanjahom f’attivita’ li ser issir apposta għand is-Sorijiet Franġiskani, fejn numru minnhom qed joqgħodu.
Il-Prim Ministru huwa akkumpanjat mis-Sur Edgar Galea Curmi, il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958