“Jeħtieġ li f’pajjiżna jkollna aktar imprendituri” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“Li jkollna aktar imprendituri jfisser li jkollna aktar persuni f’kull qasam tan-negozji li għandhom dawn il-kwalitajiet:
§ Viżjoni (u allura huma leaders fil-qasam tagħhom)
§ Kapaċita’ li jkunu innovattivi
§ Għandhom stima għolja tagħhom infushom u ta’ xogħolhom
§ Posittivi fil-ħsibijiet tagħhom
§ Jkunu persuni responsabbli
§ Għandhom il-ħila li jikkomunikaw
“Min qiegħed fin-negozju irid jifhem li huwa għandu d-dmir li jkun ta’ servizz u jrid jagħraf il-ħtieġa ta’ l-osservanza ta’ l-etika u l-valuri fuq xogħlu.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ l-ewwel seminar fl-imprenditorija organizzat mill-MCAST. Dan is-seminar ġie organizzat fl-Istitut tal-Bini u l-Kostruzzjoni u kien hemm attendenza tajba ħafna mill-istudenti ta’ dan l-istitut.
L-Onor. Vassallo kompla billi qal li “hemm differenza bejn imprenditur u negozjant, u jekk wieħed iħares madwaru jara d-differenza. L-imprenditur jagħti valur lin-negozju tiegħu u mhux sempliċement ibiegħ biex jagħmel il-qliegħ. L-imprenditur huwa kontinwament innovattiv fil-ħsibijiet u prattiċi tiegħu. L-imprenditur huwa responsabbli miegħu nnifsu kif ukoll ma’ ta’ madwaru, li huma l-ħaddiema tiegħu u l-familja. Huwa jagħti każ ta’ l-ambjent ta’ madwaru – tat-triq, tal-lokalita’ u tal-komunita’.”
Preżenti wkoll għal dan is-seminar kien il-prinċipal ta’ l-MCAST, is-Sur Frank Edwards, kif ukoll Daniel Debono mill-Malta Enterprise, Ray Cassar mill-Organizzazzjoni tal-Koperattivi u Joe Bezzina mill-ETC, li taw informazzjoni u tkellmu fuq skemi varji dwar l-imprenditorija u kif wieħed jista’ jiftaħ in-negozju tiegħu.
L-Onor. Vassallo semma wkoll li għall-ewwel darba, fi skejjel primarji ser ikun qiegħed jiġi mplimentat programm ta’ edukazzjoni fl-imprenditorija, programm li mhux neċessarjament jinvolvi suġġetti u lezzjonijiet ġodda, iżda programm li jista’ jiġi mplimentat f’suġġetti li diġa’ jeżistu fl-iskejjel.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi mill-imprendituri. Hemm bżonn li noħolqu l-ġid billi nibnu fuq il-ħila tal-ħaddiema tagħna u nutilizzaw ir-riżorsi umani tagħna. L-industrija avvanzata tkompli f’pajjiżi li jħarsu lejn il-ħiliet tal-persuni. Intom għandkom tkunu suċċess għalikom u għal pajjiżkom.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958