DELEGAZZJONI MILL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ FIL-FINLANDJA
Delegazzjoni mill-Kumitat tal-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Finlandiż se żżur Malta f'Lulju li ġej waqt il-Presidenza Finlandiża ta' l-Unjoni Ewropea biex tara mill-viċin l-effetti tal-problema ta' l-immigrazzjoni illegali f'Malta. Dan ħareġ minn sensiela ta' laqgħat li delegazzjoni parlamentari Maltija mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej qed ikollha mal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej Finlandiż u ma' uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru nkarigat mill-Affarijiet Ewropej. Id-delegazzjoni Maltija hija mmexxija mill-Onor Jason Azzopardi u tinkludi lill-Onor Leo Brincat, l-Onor Jose’ Herrera u l-Onor Clyde Puli.
Id-delegazzjoni parlamentari Maltija ħadet l-opportunita’ biex tisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjoni ta' l-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran għandha tingħata prijorita' speċjalment fil-każ ta' Malta, minħabba n-numru ta' persuni li qed jidħlu illegalment, iċ-ċokon tat-territorju u r-riżorsi li din il-problema qed tieħu. In-naħa Maltija issuġġeriet li minbarra għajnuna finanzjarja u loġistika li hemm bżonn biex jittaffa l-piż li din il-problema qed titfa' fuq Malta, hemm bżonn li jsir aktar burden sharing mill-istati membri l-oħra bħalma għamlu l-Ġermanja u l-Olanda.
In-naħa Maltija saħqet ukoll fuq il-bżonn li l-pajjiżi ġirien, bħal-Libja, minn fejn jitilqu ħafna mill-immigranti illegali għandhom jiġi nvoluti fit-tfittxija għas-soluzzjoni ta' din il-problema u hawnhekk l-Unjoni Ewropea għandha tgħin bid-diplomazija tagħha.
Kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Ġustizzja u l-Intern flimkien mat-tkabbir, il-kompetittivita’ u l-innovazzjoni u l-futur ta' l-Ewropa se jingħataw importanza fil-programm ta' xogħol tal-Presidenza Finlandiża.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958