OPPORTUNITAJIET EKONOMIĊI LI JIRRIŻULTAW MILL-ĦARSIEN TA’ L-AMBJENT
Stqarrija Konġunta mill-Ministeru ghall-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u mill-Ministeru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent
Għal ħafna għadha teżisti l-impressjoni ħażina li l-ambjent u l-ekonomija jmorru kontra xulxin. Mhux talli dan mhux minnu, talli llum ħafna qed jaraw ġid u tkabbir ekonomiku li jirriżultaw mis-settur tal-ħarsien ta’ l-ambjent.
Eżempju ta’ dawn l-opportunitajiet ngħataw waqt żjarat li l-Ministru għall-Investiment, l-Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt, u l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino għamlu f’żewġ kumpaniji, Abertax Group u Metalco Ltd, bħala parti mill-attivitajiet li qed ikunu organizzati matul il-Ġimgħa Ambjent biex jitfakkar Jum l-Ambjent 2006.
Dawn iż-żewġ kumpaniji Maltin investew bis-sħiħ u għarfu jieħdu l-opportunitajiet ġodda li jirriżultaw minn ħarsien u għarfien akbar ta’ l-ambjent.
Fi tmiem żjara fil-kumpanija Abertax Group li tinsab fil-qasam industrijali ta’ Kordin, il-Ministru George Pullicino ta eżempju ta’ dak li qed jiġri fir-Renju Unit fejn is-settur ambjentali żdied minn sittax-il biljun lira Sterlina, 170,000 post tax-xogħol u 7,000 kumpanija fl-2001, għal 25 biljun lira Sterlina, 400,000 post tax-xogħol u 17,000 kumpanija fl-2004.
Hu żied jgħid li matul l-10 snin li ġejjin mistennija jinħolqu mal-130,000 post tax-xogħol ieħor. Fl-Ewropa dan is-settur diġa’ jħaddem fih 1.3% tas-suq tax-xogħol li jfisser maż-żewġ miljun impjieg. Sas-sena 2010 is-settur ta’ l-ambjent mistenni jikber b’tali mod li jkun ta’ suċċess daqs is-settur tal-farmaċewtika jew ta’ l-industrija ta’ l-ispazju.
Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-politika industrijali ta’ Malta trid tkun politika li tibni fuq il-kapaċita’ tal-Maltin, fuq l-inventiva tas-sidien tal-kumpanija, il-viżjoni tal-Maltin li jafu fejn iridu jmorru u politika li tkun kapaċi toħloq l-ambjent neċessarju biex dawn il-kumpaniji jikbru.
L-Abertax tipproduċi numru ta’ prodotti tagħha li huma ntiżi li jżidu l-ħajja ta’ batteriji, li jintużaw f’numru ta’ affarijiet, l-aktar fis-settur ta’ trasport bl-elettriku. It-teknoloġija ambjentali twassal biex ikun hemm effett pożittiv fuq kumpaniji oħrajn bħal fil-każ tal-Abertax li għandha kuntratti ma’ kumpaniji oħrajn. L-opportunitajiet ekonomiċi jirriżultaw ukoll mill-fatt li bosta mill-apparat awtomatiku li jintuża mill-kumpanija huwa ddisinjat u manifatturat f’Malta. Is-suċċess ta’ l-Abertax jista jkun ukoll kalkulat mill-fatt li f’qasir żmien il-kumpanija għandha bżonn terġa’ żżid l-ispazju minn fejn topera għat-tielet darba u n-numru ta’ ħaddiema tela’ għal 80.
Il-kumpanija investiet mal-Lm240,000 biex ittrasformat il-bini tal-fabbrika għal kif inhu llum. L-Abertax ma tipproduċi ebda skart u l-plastik żejjed li jibqa’ jkun imqatta’ u riċiklat. L-ilma żejjed li jibqa’ mill-operazzjoni tal-kumpanija jintuża għall-irrigazzjoni.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li l-kumpanija Abertax hija eżempju ħaj tal-kapaċità tal-Maltin, meta jkollok politika li tinvesti fuq l-abbilità u l-inventiva tiegħu. Il-Ministru Gatt spjega li Abertax hija kumpanija li fiha qed naraw Maltin li żviluppaw invenzjonijiet li m’humiex biss teoretiċi, iżda qed iħallu l-qliegħ.
Huwa qal li llum qed nassistu għal xhieda ta’ ħaddiema li llum qed jipproduċu prodott maħsub u żviluppat f’Malta u li qed jiġi esportat madwar id-dinja.
Huwa enfasiżża wkoll li Abertax hija wkoll xhieda ta’ kemm il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks qegħdin jaħdmu u jkunu attivi billi jgħinu investituri serji. Dak li ġara fl-Abertax, kemm bis-saħħa tal-viżjoni tas-sidien, kemm grazzi għal ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll bl-għajnuna tal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks.
L-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern fis-settur ta’ l-ambjent qed iwasslu biex kumpaniji mis-settur privat qed jidħlu għal proġetti biex jitrattaw skart partikolari. Fil-każ tal-kumpanija Metalco qed nitkellmu dwar riċiklar ta’ tyres, fost affarijiet oħrajn.
Intant, il-Ministru Gatt u l-Ministru Pullicino żaru wkoll il-kumpanija Metalco Ltd f’Ħal Luqa. Il-kumpanija investiet mal-miljun lira f’makkinarju innovattiv li jirriċikla materjal fosthom it-tyres. Il-Ministru Pullicino fakkar kif is-sena li għaddiet il-WasteServ ħarġet tender għat-trattament ta’ tyres li ma jibqgħux jintużaw, medja ta’ 3,000 fix-xahar. L-eko kontribuzzjoni fuq tyres matul is-sena li għaddiet laħħqet il-kwart ta’ miljun lira.
Pullicino qal li permezz tad-dħul mill-eko kontribuzzjoni, il-WasteServ kienet f’pożizzjoni li tiffinanzja din l-attivita’ u b’hekk tnaqqas mill-materjal li jkun mormi lokalment. Kif kien imwiegħed bid-dħul ta’ l-eko kontribuzzjoni, kull min ikollu skema ta’ ġbir ta’ materjal ikun eliġibbli għal rifużjoni fuq l-eko kontribuzzjoni li tkun tħallset.
George Pullicino ħabbar li fl-aħħar jiem il-Bord tal-MEPA approva l-pubblikazzjoni ta’ abbozz ta’ qafas dwar l-awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni ta’ skemi biex tiġi rifuża l-eko kontribuzzjoni. B’hekk sar dak li kien wiegħed il-Gvern meta ntroduċa l-eko kontribuzzjoni. B’dan id-dokument importaturi u produtturi jistgħu b’mod personali, jew kollettivament, jidentifikaw kumpanija li tirriċikla prodotti li jkunu poġġew fis-suq meta dawn isiru skart. B’hekk effettivament jispiċċa l-intervent tal-WasteServ u l-arranġament ikun wieħed privat.
Il-Ministru Pullicino qal li produtturi li jkunu mniżżla fir-reġistru ta’ l-iskema ta’ l-eko-kontribuzzjoni jkunu eliġibbli għal rifużjoni fuq l-eko kontribuzzjoni mħallsa fis-snin ta’ qabel ġaladarba jinġabar 25% tal-prodott. Għas-snin li ġejjin qed ikun propost li rifużjoni ta’ 100% tingħata kull meta jinġabar 80% tal-prodott in kwistjoni. Dan id-dokument kien pubblikat għal konsultazzjoni pubblika ta’ erba’ ġimgħat u jista’ jinkiseb mill-uffiċċji jew mill-website tal-MEPA.
Intant ta’ min jgħid li l-kumpanija Metalco irnexxielha ssib swieq għall-prodotti riċiklati tagħha tant li f’sena l-kumpanija esportat ’il fuq minn 100 container ta’ 20 tunnellata ’l wieħed.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958