IL-KUNTRATT GHALL-IMMANIĠĠJAR TAL-MERKANZIJA FIL-PORT IL-KBIR
Matul il-ġranet li ġejjin, il-Gvern ser jiffinalizza l-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir mal-konsorzju kompost minn Portek Group (Singapore) u TF Shipping Agencies Limited. Dan il-konsorzju ser iwaqqaf kumpanija bi sħab bejn Portek Ports (Mauritius) Ltd. b’sehem ta’ 55% u TF Shipping Agencies Ltd. b’sehem ta’ 45%, u li magħha ser isir il-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir għal 30 sena.
Il-Gvern jemmen li dan il-kuntratt il-ġdid għandu jġib miegħu bidla fil-mentalita’ u prattiċi ta’ xoghol portwarju, żieda fl-efficenza fix-xogħol provdut lill-linji tal-vapuri, tnaqqis fit-tariffi, investiment ġdid fl-infrastruttura portwarja u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fil-Port il-Kbir.
Il-proċess ta’ l-għazla ta’ l-operatur għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir fil-Belt Valletta beda fi Frar li għadda, meta l-Gvern kien ħareġ sejħa għal proposti li għalqet fit-3 ta’ April 2006. Wara proċess ta’ evalwazzjoni, mill-kumitat maħtur mill-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, fit-8 ta’ Mejju 2006 il-Gvern ħabbar iż-żewg konsorzja, mill-ħamsa li kienu tefgħu l-offerti tagħhom, li magħhom kienu ser jitkomplew in-negozjati. Fl-aħħar ġimgħat, saru diversi laqgħat intensivi bejn dawn iż-żewġ konsorzja u l-kumitat maħtur mill-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni. Wara dawn il-laqgħat, il-kumitat għadda r-rapport finali fuq l-evalwazzjoni ta’ l-offerti taż-żewg konsorzja lill-Gvern għad-deċiżjoni.
Portek Group (Singapore) hija kumpanija barranija nvoluta fl-inġinerija portwarja, kiri ta’ impjant portwarju w operazzjoni ta’ terminals portwarji tal-merkanzija f’erba’ portijiet fl-Indoneżja u port ieħor fl-Alġerija. Din il-kumpanija hija bbażata ġewwa Singapore u għandha l-ufficcji tagħha mxerrdin fi 23 belt madwar id-dinja. TF Shipping Agencies Ltd. hija kumpanija sussidjarja tal-kumpanija lokali Tumas Group li tħaddem ’il fuq minn 1,100 ħaddiem f’diversi setturi ekonomiċi fil-gżejjer Maltin.
Il-kumpanija l-ġdida ser tinvesti ’l fuq minn LM5,200,000 fl-infrastruttura portwarja meħtiega fil-Port il-Kbir, ser tħallas kera ta’ LM350,000 fis-sena kif ukoll throughput charge ta’ 2% fuq l-introjtu tal-kumpanija mill-volum tal-merkanzija lill-Awtorita’ Marittima ta’ Malta. Il-konsorzju ser ukoll jikkontribwixxi somma ta’ LM500,000 għax-xogħlijiet ta’ tiswija meħtiega fuq il-moll tad-Deep Water Quay fix-xatt tal-Marsa. Il-konsorzju għandu wkoll pjanijiet sabiex jistabilixxi l-Port il-Kbir bħala port loġistiku tal-merkanzija fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Il-Gvern assigura li l-ħaddiema kollha preżenti ser iżommu l-impjiegi tagħhom. Fil-fatt, il-konsorzju ta garanzija dwar l-impjiegi tal-ħaddiema preżenti tal-kumpanija The Cargo Handling Company Limited li bħalissa għandha l-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir u li ser jiskadi fl-ewwel gimgħa ta’ Lulju, kif ukoll fuq l-impjiegi tad-Delivery Clerks u t-Tally Clerks.
It-tariffi massimi għall-ħlas ta’ l-immaniġġjar tal-merkanzija ser ikunu inqas minn dawk tal-lum permezz ta’ dan il-ftehim. Wieħed irid jinnota li, kuntrarjament għal The Cargo Handling Company Limited, il-kumpannija l-ġdidam’għandha ebda dħul mill-Malta Freeport, għaliex id-dħul tagħha huwa biss mix-xogħol domestiku fil-Port il-Kbir, fejn tinħadem inqas min-nofs il-merkanzija domestika kollha f’Malta. Minkejja dan in-nuqqas ta’ volum ta’ merkanzija kif ukoll fid-dawl ta’ l-investiment fl-infrastruttura, il-ħlasijiet lill-Awtorita’ Marittima ta’ Malta, il-kontribuzzjoni għat-tiswija fil-moll fix-xatt tal-Marsa u l-garanzija fuq l-impjiegi kollha tal-ħaddiema preżenti fil-Port il-Kbir, il-Gvern u l-konsorzju l-ġdid xorta waħda waslu għal ftehim sabiex jonqsu t-tariffi.
L-għotja tal-kuntratt għall-immaniġġjar tal-merkanzija fil-Port il-Kbir huwa biss l-ewwel stadju fil-pjan tal-Gvern għal riforma wiesgħa fil-portijiet li għandha titlesta fix-xhur li ġejjin. Bħalissa l-kumitat maħtur mill-Ministru ghall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni qiegħed imexxi diskussjonijiet u negozjati ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u l-entitajiet kollha li jipprovdu servizzi fil-portijiet sabiex jintlaħaq ftehim fuq il-prattiċi u l-ħlasijiet tax-xogħol, fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji u l-introduzzjoni ta’ kriterji kompetittivi dwar kif dawn il-ħaddiema u entitajiet għandhom jiġu regolati.
Dawn ir-riformi fil-portijiet għandhom iwasslu sabiex tiżdied l-effiċenza fix-xogħol portwarju u jitnaqqsu iżjed it-tariffi massimi għall-ħlas ta’ l-immaniġġjar tal-merkanzija. B’hekk il-konsumatur għandu jgawdi minn prezzijiet imraħħsa u tiżdied ukoll il-kompetittivita’ ta’ l-industrija lokali.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958