Skolasajf - Programm Kreattiv għall-Istudenti
Madwar 4,000 tifel u tifla mill-iskejjel statali, tal-knisja, u indipendenti, jipparteċipaw fi Skolasajf kull sena. Jieħdu sehem ukoll madwar 300 studenti Universitarji li qed isegwu korsijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-edukazzjoni u madwar 130 kapijiet, assistenti kapijiet, għalliema; bħala ko-ordinaturi fiċ-Ċentri ta’ Skolasajf.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol is-Sur Frans Borg nieda l-ħdax-il edizzjoni tal-programm Skolasajf. Il-programm Skolasajf joffri l-opportunità lil studenti li jkollhom programm edukattiv u kreattiv tul ix-xhur tas-sajf biex filwaqt li jużaw il-ħin liberu tagħhom b’mod produttiv ikunu qed jilagħbu u jitgħallmu ma’ sħabhom. Skolasajf toffri wkoll l-opportunita’ lil ġenituri ta’ l-istudenti, speċjalment dawk li jaħdmu, biex fil-ħinijiet tax-xogħol ikunu moħħhom mistrieħ dwar x’qed jagħmlu t-tfal.
Skolasajf 2006 ser tiftaħ il-bibien tagħha bejn it-Tlieta, 18 ta’ Lulju, u t-Tnejn 11 ta’ Settembru 2006, kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00 a.m. u 12.00 p.m. Il-Programm hu miftuħ għat-tfal tar-raba’, l-ħames u s-sitt klassi ta’ l-iskejjel primarji kollha (Stat, Knisja u Indipendenti). Iċ-ċentri tas-Skolasajf huma mqassmin madwar Malta u Għawdex biex kulħadd ikun moqdi.
Is-Sur Borg qal li t-tema magħżula għal din is-sena hija “Flimkien Favur L-Ambjent”. Se niffukaw fuq l-oqsma ta’ Tagħlim, Apprezzament u Inizzjattivi.
Tfal li jattendu l-iskola bl-għajnuna tal-‘facilitator’ se jkollhom dan is-servizz ukoll għall-Programm Skolasajf filwaqt li dawk it-tfal li jattendu l-iskejjel speċjali se jkollhom programmi apposta.
Hemm ukoll programm magħruf bħala Klabbsajf għal dawk l-istudenti li tul is-sena skolastika jingħataw s-servizz ta’ l-għajnuna kumplimentari fil-litteriżmu. Dan il-programm hu maħsub apposta biex jgħin lil dawn l-istudenti jimxu ’l quddiem fl-edukazzjoni.
L-applikazzjonijiet għal skolasajf jistgħu jinkisbu mill-iskejjel Primarji jew inkella minn fuq il-website tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni www.education.gov.mt L-applikazzjonijiet għandhom jaslu fl-iskejjel fejn t-tfal ikunu se jattendu, sa mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju. Hemm ħlas nominali ta’ Lm 5 għal kull tifel jew tifla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958