Left arrow Mur Lura

Il-pubbliku mistieden jagħżel id-disinji finali għal fuq il-muniti Maltin ta’ l-Euro

pr0798
Date Icon 29/05/2006

«L-għażla finali se tkun tan-nies» – is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Kumitat Nazzjonali Għall-Bidla Għall-Euro (in-NECC) bdew il-proċess finali ta’ konsultazzjoni pubblika għall-għażla tad-disinji għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti Maltin ta’ l-euro.  Il-pubbliku se jkun mistieden jagħżel tlieta minn erba’ disinji magħmula mid-disinjatur tal-muniti Noel Galea Bason.   

Dawn id-disinji huma bbażati fuq it-temi li kienu ġew magħżula mill-pubbliku fil-proċess ta’ konsultazzjoni li kien sar f’Jannar.  Tlieta mid-disinji – l-Istatwa tal-Magħmudija ta’ Kristu, l-Arma ta’ Malta u l-Altar tat-Tempju ta’ l-Imnajdra – intgħażlu mit-tnax-il tema li kienu ppreżentati lill-pubbliku.  Ir-raba’ disinn, dak tas-salib ta’ Malta bi tmien ponot, kien ikkunsidrat ukoll wara li rċieva l-akbar numru ta’ voti mill-pubbliku bħala alternattiva għat-tnax-il tema li kienu ppreżentati fil-proċess ta’ konsultazzjoni.  It-tliet disinji li jirċievu l-akbar numru ta’ voti jkunu dawk li se jidhru fuq l-uċuħ nazzjonali tal-muniti Maltin ta’ l-euro. 

Il-pubbliku qed ikun mistieden biex għal darb’oħra jipparteċipa bejn id-29 ta’ Mejju u d-9 ta’ Gunju. Jistgħu jintbagħtu sa tliet SMSs minn kull linja ta’ telefonija cellulari lejn in-numru li jkun abbinat ma’ kull disinn.  SMS waħda biss tkun ikkunsidrata bħala valida għal kull disinn. 

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, li huwa wkoll iċ-Chairman ta’ l-iSteering Committee għall-Adozzjoni ta’ l-Euro, qal: “Il-Gvern iħoss li l-poplu Malti għandu jieħu sehem f’dan il-proċess.  Dan huwa mument uniku u għandna naraw li n-nies ikollhom l-għażla finali f’dan il-proċess storiku.” Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li l-Bank Ċentrali ta’ Malta diġa’ beda l-proċess biex joħorġu t-tenders għall-produzzjoni tal-muniti.  Il-produzzjoni, madankollu, ma tistax tibda qabel il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li Malta se tissieħeb fiż-żona ta’ l-euro.  Dan jista’ jseħħ għall-ħabta ta’ Gunju 2007. 

“Hu stmat li madwar 206 miljun munita b’valur ta’ aktar minn EUR58 miljun ikollhom jiġi manifatturati f’perijodu ta’ tliet xhur.”  

F’konferenza għal mezzi tax-xandir fil-Bank Ċentrali ta’ Malta flimkien mal-Gvernatur, Michael C Bonello u ċ-Chairman ta’ l-NECC, Joseph F X Zahra, is-Sur Fenech appella lill-pubbliku sabiex jipparteċipa f’dan il-proċess:  “Il-parteċipazzjoni fl-ewwel proċess ta’ konsultazzjoni kienet waħda sinifikanti b’aktar minn 17,000 vot validu.  Nemmen li kienet ħaġa pożittiva li kien hemm dibattitu nazzjonali fuq il-disinji tal-muniti matul l-ewwel fażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni kif ukoll wara.  Issa wasal iż-żmien sabiex in-nies jieħdu deċiżjoni finali fuq kif għandhom jidhru l-muniti Maltin ta’ l-euro.” 

Kull min jieħu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jista’ jirbaħ wieħed minn 20 biljett ta’ l-Air Malta għal kwalunkwe destinazzjoni tagħha, jew wieħed minn numru ta’ telefons ċellulari offruti mill-Go Mobile.  Min jivvota sa l-1 ta’ Gunju jista’ jirbaħ wieħed minn 20 biljett għall-kunċert ta’ Sting li se jsir fis-6 ta’ Gunju.  L-ispiża ta’ kull SMS se tkun ta’ 2 ċenteżmi. 

Bħalma hu l-każ f’numru ta’ Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, il-muniti ta’ l-Euro Maltin se jkollhom tliet disinji differenti: wieħed għall-muniti ta’ l-euro u ż-żewġ euro, wieħed għall-muniti tal-ħamsin, għoxrin u għaxar ċenteżmi; u wieħed għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi.  Is-Sur Fenech qal li hu importanti li l-pubbliku jagħti sehemu fil-proċess ta’ konsultazzjoni: ”Sa ċertu punt, għandna l-opportunita’ li nirreklamaw lil Malta permezz tal-muniti ta’ l-euro minħabba li dawn se jiċċirkolaw fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u anke f’pajjiżi oħra.” 

Aktar tagħrif fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali jinkiseb mill-websites tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.com jew minn dik ta’ l-NECC www.euro.gov.mt.  Il-pubbliku se jinżamm informat permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow