Il-pubbliku mistieden jagħżel id-disinji finali għal fuq il-muniti Maltin ta’ l-Euro
«L-għażla finali se tkun tan-nies» – is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Kumitat Nazzjonali Għall-Bidla Għall-Euro (in-NECC) bdew il-proċess finali ta’ konsultazzjoni pubblika għall-għażla tad-disinji għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti Maltin ta’ l-euro. Il-pubbliku se jkun mistieden jagħżel tlieta minn erba’ disinji magħmula mid-disinjatur tal-muniti Noel Galea Bason.
Dawn id-disinji huma bbażati fuq it-temi li kienu ġew magħżula mill-pubbliku fil-proċess ta’ konsultazzjoni li kien sar f’Jannar. Tlieta mid-disinji – l-Istatwa tal-Magħmudija ta’ Kristu, l-Arma ta’ Malta u l-Altar tat-Tempju ta’ l-Imnajdra – intgħażlu mit-tnax-il tema li kienu ppreżentati lill-pubbliku. Ir-raba’ disinn, dak tas-salib ta’ Malta bi tmien ponot, kien ikkunsidrat ukoll wara li rċieva l-akbar numru ta’ voti mill-pubbliku bħala alternattiva għat-tnax-il tema li kienu ppreżentati fil-proċess ta’ konsultazzjoni. It-tliet disinji li jirċievu l-akbar numru ta’ voti jkunu dawk li se jidhru fuq l-uċuħ nazzjonali tal-muniti Maltin ta’ l-euro.
Il-pubbliku qed ikun mistieden biex għal darb’oħra jipparteċipa bejn id-29 ta’ Mejju u d-9 ta’ Gunju. Jistgħu jintbagħtu sa tliet SMSs minn kull linja ta’ telefonija cellulari lejn in-numru li jkun abbinat ma’ kull disinn. SMS waħda biss tkun ikkunsidrata bħala valida għal kull disinn.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, li huwa wkoll iċ-Chairman ta’ l-iSteering Committee għall-Adozzjoni ta’ l-Euro, qal: “Il-Gvern iħoss li l-poplu Malti għandu jieħu sehem f’dan il-proċess. Dan huwa mument uniku u għandna naraw li n-nies ikollhom l-għażla finali f’dan il-proċess storiku.” Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li l-Bank Ċentrali ta’ Malta diġa’ beda l-proċess biex joħorġu t-tenders għall-produzzjoni tal-muniti. Il-produzzjoni, madankollu, ma tistax tibda qabel il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma li Malta se tissieħeb fiż-żona ta’ l-euro. Dan jista’ jseħħ għall-ħabta ta’ Gunju 2007.
“Hu stmat li madwar 206 miljun munita b’valur ta’ aktar minn EUR58 miljun ikollhom jiġi manifatturati f’perijodu ta’ tliet xhur.”
F’konferenza għal mezzi tax-xandir fil-Bank Ċentrali ta’ Malta flimkien mal-Gvernatur, Michael C Bonello u ċ-Chairman ta’ l-NECC, Joseph F X Zahra, is-Sur Fenech appella lill-pubbliku sabiex jipparteċipa f’dan il-proċess: “Il-parteċipazzjoni fl-ewwel proċess ta’ konsultazzjoni kienet waħda sinifikanti b’aktar minn 17,000 vot validu. Nemmen li kienet ħaġa pożittiva li kien hemm dibattitu nazzjonali fuq il-disinji tal-muniti matul l-ewwel fażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni kif ukoll wara. Issa wasal iż-żmien sabiex in-nies jieħdu deċiżjoni finali fuq kif għandhom jidhru l-muniti Maltin ta’ l-euro.”
Kull min jieħu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jista’ jirbaħ wieħed minn 20 biljett ta’ l-Air Malta għal kwalunkwe destinazzjoni tagħha, jew wieħed minn numru ta’ telefons ċellulari offruti mill-Go Mobile. Min jivvota sa l-1 ta’ Gunju jista’ jirbaħ wieħed minn 20 biljett għall-kunċert ta’ Sting li se jsir fis-6 ta’ Gunju. L-ispiża ta’ kull SMS se tkun ta’ 2 ċenteżmi.
Bħalma hu l-każ f’numru ta’ Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, il-muniti ta’ l-Euro Maltin se jkollhom tliet disinji differenti: wieħed għall-muniti ta’ l-euro u ż-żewġ euro, wieħed għall-muniti tal-ħamsin, għoxrin u għaxar ċenteżmi; u wieħed għall-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi. Is-Sur Fenech qal li hu importanti li l-pubbliku jagħti sehemu fil-proċess ta’ konsultazzjoni: ”Sa ċertu punt, għandna l-opportunita’ li nirreklamaw lil Malta permezz tal-muniti ta’ l-euro minħabba li dawn se jiċċirkolaw fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u anke f’pajjiżi oħra.”
Aktar tagħrif fuq il-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali jinkiseb mill-websites tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.com jew minn dik ta’ l-NECC www.euro.gov.mt. Il-pubbliku se jinżamm informat permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958