Diskors ta’ l-għeluq mill-Ministru Dolores Cristina fl-okkażjoni ta’ Seminar biex ifakkar il-Ħamsin Anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
Sinjuri,
Is-Seminar li attendejna għalih illum huwa parti mill-attivitajiet li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jorganizza biex jiġi mfakkar il-Ħamsin Anniversarju minn meta l-Parlament Malti għadda l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali. Dawn iż-żewg Atti jistgħu jitqiesu bħala il-pedamenti tal-welfare state f’pajjiżna, jiġifieri l-istrumenti legali li permezz tagħhom l-istat jintervjeni biex jipprovdi ħarsien soċjali liċ-ċittadini tiegħu.
Bħall kull anniversarju ieħor, din l-okkażjoni tagħtina l-opportunita sabiex nagħtu ħarsa lejn minn fejn bdejna, fejn qiegħdin u fejn irridu naslu.
Minn fejn bdejna
Qabel ma dawn iż-żewġ Atti (li semmejt iktar kmieni) ġew fis-seħħ, il-ħarsien soċjali f’pajjiżna ma kienx wieħed ibbażat fuq il-kunċett ta’ drittijiet. Maż-żmien, bdew jiġu ffurmati għaqdiet tal-“mutuo soccorso”, ħafna drabi f’forma ta’ fratellanzi u għaqdiet oħra taħt il-kappa tal-Knisja. Nistgħu ngħidu li dawn l-għaqdiet kienu il-prekursuri u l-pijunieri tal-benefiċċji kontributorji li għandna llum. Il-miżerja u t-tifrik li ħalliet warajha it-Tieni Gwerra Dinjija kienu xprun qawwi biex l-istat jibda jintervjeni fil-ħarsien soċjali.
Maż-żmien, rajna żvilupp sħiħ ta’ benefiċċji – kemm dawk kontributorji u kemm dawk mhux kontributorji li l-għan ewlieni tagħhom kien li jifirxu xibka wiesa li tipprevjeni lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà tagħna milli jsofru minn faqar li jkun ġej minħabba diversi fatturi: kemm ta’ natura medika, finanzjarja jew soċjali. F’dan il-kuntest, il-benefiċċji soċjali offruti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minn dejjem kienu meqjusa bħala s-sinsla ewlenija ta’ din ix-xibka ta’ servizzi offruti mill-istat.
Fejn qiegħedin
Fl-1987, dawn iż-żewġ Atti, flimkien ma’ proviżjonijiet legali oħra, ġew konsolidati f’Att wieħed. B’hekk ġie fis-seħħ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan l-Att iservi ta’ bażi legali għal benefiċċji kollha pprovduti mid-Dipartiment. Esperti legali jsostnu li dan l-Att żviluppa f’waħda mil-aktar liġijiet ikkumplikati ta’ pajjiżna – partikolarment minħabba l-fatt li l-benefiċċji jiġu emendati kull sena. Filwaqt li fih innifsu dan jirrifletti li pajjiżna dejjem għaraf li jintroduċi benefiċċji ġodda u aġġornati skond il-bżonnijiet tal-ġurnata, minn naħa l-oħra dan il-fatt irrenda dan l-Att wieħed li hu diffiċli ħafna biex jinftiehem mill-maġġoranza assoluta tal-poplu tagħna.
Madanakollu, hawnhekk m’aħniex qed niċċelebraw biss ħamsin sena ta’ leġislazzjoni, iżda fuq kollox ħamsin sena ta’ servizz mid-Dipartiment. Minkejja n-nuqqasijiet kollha li jista’ jkollu dan id-dipartiment, l-esperjenza turina li, kollox ma kollox, l-maġġoranza tal-impjegati tiegħu dejjem qdew dmrijiethom bl-aħjar mod possibli b’riżq il-persuni li rrikorew għandhom – ħafna drabi fl-aktar mumenti diffiċli tal-ħajja tagħhom.
Għal żmien twil, dan id-dipartiment kien l-istrument ewlieni tal-istat Malti fit-tħaddim tal-valur tas-solidarjetà soċjali maċ-ċittadini tiegħu – ferm qabel ma’ din il-kelma sabet ruha fil-vokabolarju politiku jew soċjali ta’ pajjiżna! U għalhekk tassew inħossni xxurtjata li mess lili bħala l-Ministru responsabbli minn dan is-settur sabiex f’isem il-poplu Malti u Għawdxi inrodd ħajr tax-xogħol kollu li kemm intom, u kif ukoll dawk li ġew qabilkom, wettaqtu b’riżq iċ-ċittadini tagħna, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u fil-bżonn.
Fejn irridu mmorru
Id-direzzjoni ta’ fejn irridu mmorru hija mifruxa quddiemna permezz tal-isfidi li qiegħedin inħabbtu wiċċna magħhom illum. Xi wħud minn dawn l-isfidi huma magħrufa. Oħrajn mhux daqshekk.
L-ewwel sfida li għandna quddiemna hija waħda ta’ natura filosofika: “X’għandu jkun l-għan aħħari tas-servizzi soċjali?” Fil-fehma tiegħi, kull benefiċċju soċjali għandu jkollu l-għan li jiffaċilita l-benefiċċjarji biex jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà tagħna. Għaldaqstant il-benefiċċji soċjali għandu jkollhom skop purament soċjali iktar minn wieħed individwali. Filwaqt li qed iwieżen persuni individwali, madanakollu l-iskop aħħari hu dak li jkollna soċjetà aktar b’saħħitha fejn kulħadd ikun jista’ jirrealizza l-potenzjal tiegħu għal-ġid tiegħu, tal-familja tiegħu u tas-soċjetà kollha in ġenerali.
F’dan il-kuntest inħoss li l-qabża fil-kwalità li jmiss hi dik li naraw li l-benefiċċji soċjali jimxu minn strument ta’ dipendenza għal wieħed ta’ empowerment. F’realtà ekonomika li qiegħeda kontinwament tinbidel dan ifisser li t-tfassil tal-benefiċċji soċjali għandu jsir wieħed li essenzjalment li jiffaċilita d-dħul tal-benefiċċjari fid-dinja tax-xogħol (“making work pay”) u li jkun mezz li jikkumplimenta t-tranżizzjoni bejn xogħol u ieħor (“flexicurity”).
Bħal ma għidt diġà, l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali huwa mibni fuq il-kunċett li l-benfiċċji soċjali huma dritt li jista’ jkun infurzat permezz tal-istrutturi ġudizjarji tagħna. Madanakollu ippermettuli inżid li bħal kull dritt ieħor dan jġorr miegħu sens ta’ responsabbilità li dan id-dritt ma jiġix abbużat. Għaldaqstant, sfida oħra hija dik li nkomplu nassiguraw li dawn il-benefiċċji jingħataw lil minn tassew jistħoqqlu l-aktar u mhux lil min kapaċi jimmanipula s-sistema l-aktar.
Kien b’dan il-għan li riċentament s-sezzjoni tal-Investigazzjoni u l-Frodi tad-Dipartiment issaħħet u ġiet mgħotija l-istatus ta’ Direttorat awtonomu u b’poteri usa li llum għandhom saħħa legali. Ir-riżultati miksuba fi żmien qasir minn dan id-Direttorat jawguraw tajjeb għall-ġejjieni. Hemm bżonn wkoll li nkabbru iktar il-kuxjenza fost il-poplu Malti li min jabbuża mill-benefiċċji soċjali qiegħed jisraq il-flus tiegħi u tiegħek. L-intenzjoni tagħna hija li dan id-Direttorat jkompli jikber u jkopri kull servizz soċjali pprovdut mill-Gvern.
Sfida oħra kbira, li hija magħrufa sewwa, hija dik tar-riforma fil-pensjonijiet. Din ir-riforma għandha l-għan sabiex nsaħħu kemm is-sostenibiltà kif ukoll l-adekwatezza tal-pensjonijiet tagħna. Apparti li din ir-riforma hija proġett kbir fiha nnifisha, ix-xewqa tiegħi hija li din ir-riforma tkun il-mudell li fuqha jiġu mfassla r-riformi ta’ benefiċċji oħra. Fuq l-istess linji sar tibdil fil-proċess ta’ kif jiġu ikkunsidrati it-talbiet għall-pensjonijiet tal-invalidità . Sfortunatament, ċerti prattiċi li bdew b’intenzjoni tajba maż-żmien setgħu bdew jiġu abbużati u allura kien hemm il-bżonn li jiġu reveduti.
Diġà rreferejt għall-liġi nnifisha. Il-bżonn li jkollna liġi tas-Sigurtà Soċjali aktar omoġenja, b’filosfija konsistenti u aktar komprensiva ilu jinħass għal xi żmien. Dan qed ngħidu mingħajr ma nneħħi xejn mill-mertu enormi ta’ min fassal il-liġi preżenti li ilha taqdina għal numru twal ta’ snin. Din mhix sfida faċli u hija waħda li titlob mhux biss kapaċità legali iżda wkoll kuraġġ kbir politiku. Irridu inkunu nkunu kuraġġużi biżżejjed li nirrevedu l-benefiċċji eżistenti u naraw li minnhom għadhom relevanti, liema minnhom m’għadhomx u wkoll nidentifikaw oħrajn ġodda. Għandna wkoll nħarsu b’mod kritiku lejn il-kriterji li nużaw biex jingħataw ċertu benefiċċji u nanalizzaw b’mod xjentifiku jekk dawn għandhomx bżonn jiġu reveduti.
Id-dimensjoni Ewropea, li minħabba is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea kibret fir-relevanza tagħha, naraha kemm bħala sfida kif ukoll opportunità . Naf li dan is-suġġett kien trattat b’mod aktar estensiv dalgħodu. Id-direttivi relatati ma ġabux biss magħhom bidliet legali iżda wkoll bidla fil-mentalità tal-prattiċi tax-xogħol u opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ u speċjalizazzjoni.
Iċ-cittadini Maltin, li issa saru wkoll ċittadini Ewropej, jistgħu jgawdu minn sistema aktar flessibli ta’ sigurtà soċjali li tgħinhom jimirħu ‘l hemm minn pajjiżna b’aktar serħan il-moħħ. Dan il-fatt jgħin mhux biss lilhom bħala individwi iżda wkoll lilna bħala nazzjon biex ninfetħu aktar għal realtajiet ġodda li jeżistu ‘l hemm minn xtutna. Il-fondi Ewropej permezz ta’ inizjattivi bħall-EQUAL qed iservu wkoll sabiex, b’mod kreattiv, noħolqu ħolqa bejn il-benefiċċji soċjali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħna fid-dinja tax-xogħol.
Dawn l-isfidi kollha li għadni kif semmejt jeħtieġ li jkunu sostnuti permezz ta’ tibdil kontinwu fil-proċessi amministrattivi tad-Dipartiment. L-avvanz fit-teknoloġija tal-informazzjoni għandu sehem ewlieni f’dan. Il-Ministeru tagħna, jista’ jitqies li għandu wieħed mill-aqwa dipartimenti fi ħdan il-Gvern f’dan il-qasam. Filwaqt li dan hu settur importanti u essenzjali, daqstant ieħor huwa l-bżonn li nsaħħu il-ħiliet interpersonali tagħna sabiex il-kwalità tal-kuntatt tagħna bejnietna u mal-klijenti tagħna titjieb. L-iSPIC huwa eżempju mill-aqwa li jlaqqa dawn iż-żewġ perspettivi b’mod tajjeb u għaldaqstant hemm bżonn li jiġi żvillupat aktar. F’dan il-kuntest, il-bżonn li nagħmlu evalwazzjoni kritika tal-operat tal-uffiċji distrettwali tad-dipartiment saret waħda urġenti u essenzjali.
F’dan il-ftit ħin ppruvajt nelenka mhux biss il-kisbiet tal-passat u l-preżent iżda wkoll inqiegħed quddiemkom x’inhuma l-isfidi li għandna fil-ġejjieni. Kif jgħidu bl-Ingliż “it is a tall order”, iżda konvinta li bir-rieda t-tajba ta’ kulħadd nistgħu naslu.
Nittama li l-ġudizzju fuqna ta’ dawk li ħamsin sena oħra jkunu qed jiċċelebraw ċ-ċentinarju mill-bidu tat-twaqqif tas-Sigurtà Soċjali f’pajjiżna, jkun wieħed li jagħmlilna ġieħ! Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958