Left arrow Go Back

Diskors ta’ l-għeluq mill-Ministru Dolores Cristina fl-okkażjoni ta’ Seminar biex ifakkar il-Ħamsin Anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

pr0785
Date Icon 26/05/2006

Sinjuri,

Is-Seminar li attendejna għalih illum huwa parti mill-attivitajiet li d-Dipartiment tas-Sigurtà  Soċjali qed jorganizza biex jiġi mfakkar il-Ħamsin Anniversarju minn meta l-Parlament Malti għadda l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Att dwar l-Assistenza Nazzjonali.  Dawn iż-żewg Atti jistgħu jitqiesu bħala il-pedamenti tal-welfare state f’pajjiżna, jiġifieri l-istrumenti legali li permezz tagħhom l-istat jintervjeni biex jipprovdi ħarsien soċjali liċ-ċittadini tiegħu.

Bħall kull anniversarju ieħor, din l-okkażjoni tagħtina l-opportunita sabiex nagħtu ħarsa lejn minn fejn bdejna, fejn qiegħdin u fejn irridu naslu.

Minn fejn bdejna

Qabel ma dawn iż-żewġ Atti (li semmejt iktar kmieni) ġew fis-seħħ, il-ħarsien soċjali f’pajjiżna ma kienx wieħed ibbażat fuq il-kunċett ta’ drittijiet.  Maż-żmien, bdew jiġu ffurmati għaqdiet tal-“mutuo soccorso”, ħafna drabi f’forma ta’ fratellanzi u għaqdiet oħra taħt il-kappa tal-Knisja.  Nistgħu ngħidu li dawn l-għaqdiet kienu il-prekursuri u l-pijunieri tal-benefiċċji kontributorji li għandna llum.  Il-miżerja u t-tifrik li ħalliet warajha it-Tieni Gwerra Dinjija kienu xprun qawwi biex l-istat jibda jintervjeni fil-ħarsien soċjali. 

Maż-żmien, rajna żvilupp sħiħ ta’ benefiċċji – kemm dawk kontributorji u kemm dawk mhux kontributorji li l-għan ewlieni tagħhom kien li jifirxu xibka wiesa li tipprevjeni lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà  tagħna milli jsofru minn faqar li jkun ġej minħabba diversi fatturi: kemm ta’ natura medika, finanzjarja jew soċjali. F’dan il-kuntest, il-benefiċċji soċjali offruti mid-Dipartiment tas-Sigurtà  Soċjali minn dejjem kienu meqjusa bħala s-sinsla ewlenija ta’ din ix-xibka ta’ servizzi offruti mill-istat.

Fejn qiegħedin

Fl-1987, dawn iż-żewġ Atti, flimkien ma’ proviżjonijiet legali oħra, ġew konsolidati f’Att wieħed.  B’hekk ġie fis-seħħ l-Att dwar is-Sigurtà  Soċjali.  Dan l-Att iservi ta’ bażi legali għal benefiċċji kollha pprovduti mid-Dipartiment.  Esperti legali jsostnu li dan l-Att żviluppa f’waħda mil-aktar liġijiet ikkumplikati ta’ pajjiżna – partikolarment minħabba l-fatt li l-benefiċċji jiġu emendati kull sena.  Filwaqt li fih innifsu dan jirrifletti li pajjiżna dejjem għaraf li jintroduċi benefiċċji ġodda u aġġornati skond il-bżonnijiet tal-ġurnata, minn naħa l-oħra dan il-fatt irrenda dan l-Att wieħed li hu diffiċli ħafna biex jinftiehem mill-maġġoranza assoluta tal-poplu tagħna.

Madanakollu, hawnhekk m’aħniex qed niċċelebraw biss ħamsin sena ta’ leġislazzjoni, iżda fuq kollox ħamsin sena ta’ servizz mid-Dipartiment. Minkejja n-nuqqasijiet kollha li jista’ jkollu dan id-dipartiment, l-esperjenza turina li, kollox ma kollox, l-maġġoranza tal-impjegati tiegħu dejjem qdew dmrijiethom bl-aħjar mod possibli b’riżq il-persuni li rrikorew għandhom – ħafna drabi fl-aktar mumenti diffiċli tal-ħajja tagħhom. 

Għal żmien twil, dan id-dipartiment kien l-istrument ewlieni tal-istat Malti fit-tħaddim tal-valur tas-solidarjetà  soċjali maċ-ċittadini tiegħu – ferm qabel ma’ din il-kelma sabet ruha fil-vokabolarju politiku jew soċjali ta’ pajjiżna!  U għalhekk tassew inħossni xxurtjata li mess lili bħala l-Ministru responsabbli minn dan is-settur sabiex f’isem il-poplu Malti u Għawdxi inrodd ħajr tax-xogħol kollu li kemm intom, u kif ukoll dawk li ġew qabilkom, wettaqtu b’riżq iċ-ċittadini tagħna, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u fil-bżonn.

Fejn irridu mmorru

Id-direzzjoni ta’ fejn irridu mmorru hija mifruxa quddiemna permezz tal-isfidi li qiegħedin inħabbtu wiċċna magħhom illum.  Xi wħud minn dawn l-isfidi huma magħrufa.  Oħrajn mhux daqshekk.

L-ewwel sfida li għandna quddiemna hija waħda ta’ natura filosofika: “X’għandu jkun l-għan aħħari tas-servizzi soċjali?”  Fil-fehma tiegħi, kull benefiċċju soċjali għandu jkollu l-għan li jiffaċilita l-benefiċċjarji biex jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà  tagħna.  Għaldaqstant il-benefiċċji soċjali għandu jkollhom skop purament soċjali iktar minn wieħed individwali.  Filwaqt li qed iwieżen persuni individwali, madanakollu l-iskop aħħari hu dak li jkollna soċjetà  aktar b’saħħitha fejn kulħadd ikun jista’ jirrealizza l-potenzjal tiegħu għal-ġid tiegħu, tal-familja tiegħu u tas-soċjetà  kollha in ġenerali.

F’dan il-kuntest inħoss li l-qabża fil-kwalità  li jmiss hi dik li naraw li l-benefiċċji soċjali jimxu minn strument ta’ dipendenza għal wieħed ta’ empowerment.  F’realtà  ekonomika li qiegħeda kontinwament tinbidel dan ifisser li t-tfassil tal-benefiċċji soċjali għandu jsir wieħed li essenzjalment li jiffaċilita d-dħul tal-benefiċċjari fid-dinja tax-xogħol (“making work pay”) u li jkun mezz li jikkumplimenta t-tranżizzjoni bejn xogħol u ieħor (“flexicurity”).

Bħal ma għidt diġà, l-Att dwar is-Sigurtà  Soċjali huwa mibni fuq il-kunċett li l-benfiċċji soċjali huma dritt li jista’ jkun infurzat permezz tal-istrutturi ġudizjarji tagħna.  Madanakollu ippermettuli inżid li bħal kull dritt ieħor dan jġorr miegħu sens ta’ responsabbilità  li dan id-dritt ma jiġix abbużat.  Għaldaqstant, sfida oħra hija dik li nkomplu nassiguraw li dawn il-benefiċċji jingħataw lil minn tassew jistħoqqlu l-aktar u mhux lil min kapaċi jimmanipula s-sistema l-aktar. 

Kien b’dan il-għan li riċentament s-sezzjoni tal-Investigazzjoni u l-Frodi tad-Dipartiment issaħħet u ġiet mgħotija l-istatus ta’ Direttorat awtonomu u b’poteri usa li llum għandhom saħħa legali.  Ir-riżultati miksuba fi żmien qasir minn dan id-Direttorat jawguraw tajjeb għall-ġejjieni.  Hemm bżonn wkoll li nkabbru iktar il-kuxjenza fost il-poplu Malti li min jabbuża mill-benefiċċji soċjali qiegħed jisraq il-flus tiegħi u tiegħek. L-intenzjoni tagħna hija li dan id-Direttorat jkompli jikber u jkopri kull servizz soċjali pprovdut mill-Gvern.

Sfida oħra kbira, li hija magħrufa sewwa, hija dik tar-riforma fil-pensjonijiet.  Din ir-riforma għandha l-għan sabiex nsaħħu kemm is-sostenibiltà  kif ukoll l-adekwatezza tal-pensjonijiet tagħna.  Apparti li din ir-riforma hija proġett kbir fiha nnifisha, ix-xewqa tiegħi hija li din ir-riforma tkun il-mudell li fuqha jiġu mfassla r-riformi ta’ benefiċċji oħra.  Fuq l-istess linji sar tibdil fil-proċess ta’ kif jiġu ikkunsidrati it-talbiet għall-pensjonijiet tal-invalidità .  Sfortunatament, ċerti prattiċi li bdew b’intenzjoni tajba maż-żmien setgħu bdew jiġu abbużati u allura kien hemm il-bżonn li jiġu reveduti.

Diġà  rreferejt għall-liġi nnifisha.  Il-bżonn li jkollna liġi tas-Sigurtà  Soċjali aktar omoġenja, b’filosfija konsistenti u aktar komprensiva ilu jinħass għal xi żmien.  Dan qed ngħidu mingħajr ma nneħħi xejn mill-mertu enormi ta’ min fassal il-liġi preżenti li ilha taqdina għal numru twal ta’ snin.  Din mhix sfida faċli u hija waħda li titlob mhux biss kapaċità  legali iżda wkoll kuraġġ kbir politiku.  Irridu inkunu nkunu kuraġġużi biżżejjed li nirrevedu l-benefiċċji eżistenti u naraw li minnhom għadhom relevanti, liema minnhom m’għadhomx u wkoll nidentifikaw oħrajn ġodda.  Għandna wkoll nħarsu b’mod kritiku lejn il-kriterji li nużaw biex jingħataw ċertu benefiċċji u nanalizzaw b’mod xjentifiku jekk dawn għandhomx bżonn jiġu reveduti.

Id-dimensjoni Ewropea, li minħabba is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea kibret fir-relevanza tagħha, naraha kemm bħala sfida kif ukoll opportunità .  Naf li dan is-suġġett kien trattat b’mod aktar estensiv dalgħodu.  Id-direttivi relatati ma ġabux biss magħhom bidliet legali iżda wkoll bidla fil-mentalità  tal-prattiċi tax-xogħol u opportunitajiet ġodda ta’ taħriġ u speċjalizazzjoni. 

Iċ-cittadini Maltin, li issa saru wkoll ċittadini Ewropej, jistgħu jgawdu minn sistema aktar flessibli ta’ sigurtà  soċjali li tgħinhom jimirħu ‘l hemm minn pajjiżna b’aktar serħan il-moħħ.  Dan il-fatt jgħin mhux biss lilhom bħala individwi iżda wkoll lilna bħala nazzjon biex ninfetħu aktar għal realtajiet ġodda li jeżistu ‘l hemm minn xtutna.  Il-fondi Ewropej permezz ta’ inizjattivi bħall-EQUAL qed iservu wkoll sabiex, b’mod kreattiv, noħolqu ħolqa bejn il-benefiċċji soċjali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħna fid-dinja tax-xogħol.

Dawn l-isfidi kollha li għadni kif semmejt jeħtieġ li jkunu sostnuti permezz ta’ tibdil kontinwu fil-proċessi amministrattivi tad-Dipartiment.  L-avvanz fit-teknoloġija tal-informazzjoni għandu sehem ewlieni f’dan.  Il-Ministeru tagħna, jista’ jitqies li għandu wieħed mill-aqwa dipartimenti fi ħdan il-Gvern f’dan il-qasam.  Filwaqt li dan hu settur importanti u essenzjali, daqstant ieħor huwa l-bżonn li nsaħħu il-ħiliet interpersonali tagħna sabiex il-kwalità  tal-kuntatt tagħna bejnietna u mal-klijenti tagħna titjieb.  L-iSPIC huwa eżempju mill-aqwa li jlaqqa dawn iż-żewġ perspettivi b’mod tajjeb u għaldaqstant hemm bżonn li jiġi żvillupat aktar.  F’dan il-kuntest, il-bżonn li nagħmlu evalwazzjoni kritika tal-operat tal-uffiċji distrettwali tad-dipartiment saret waħda urġenti u essenzjali.

F’dan il-ftit ħin ppruvajt nelenka mhux biss il-kisbiet tal-passat u l-preżent iżda wkoll inqiegħed quddiemkom x’inhuma l-isfidi li għandna fil-ġejjieni.  Kif jgħidu bl-Ingliż “it is a tall order”, iżda konvinta li bir-rieda t-tajba ta’ kulħadd nistgħu naslu.

Nittama li l-ġudizzju fuqna ta’ dawk li ħamsin sena oħra jkunu qed jiċċelebraw ċ-ċentinarju mill-bidu tat-twaqqif tas-Sigurtà  Soċjali f’pajjiżna, jkun wieħed li jagħmlilna ġieħ!  Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow