ORGANIZZATA L-“MALTA INTERNATIONAL TRAP GRAND PRIX”
Il-Malta Shooting Federation din is-sena qed torganizza l-“Malta International Trap Grand Prix” fix-shooting ranges tal-Bidnija bejn is-26 u t-28 ta’ Mejju. L-iskop ewlieni ta’ din l-attivita’ hu li jiltaqgħu flimkien timijiet nazzjonali għal żjara kulturali ta’ Malta fl-istess waqt li tingħatalhom l-opportunità li jipparteċipaw f’din l-attività sportiva.
F’dan il-Grand Prix se jipparteċipaw delegazzjonijiet minn numru ta’ pajjiżi Ewropej l-aktar mill-baċir tal-Mediterran u b’mod speċjali mill-Italja minfejn għadd ta’ timijiet mir-reġjun ta’ Lazio, mir-reġjun Venezjan u min-Nofsinhar ta’ l-Italja kkonfermaw l-attendenza tagħhom.
Il-Malta International Grand Prix hu maħsub ukoll li jippromwovi lil Malta bħala lokalita’ ewlenija għat-turiżmu sportiv minħabba il-klima tajba tagħna fix-xitwa u anke għaliex għandna l-impjanti meħtieġa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech tkellem waqt iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ din l-attività internazzjonali. Hu qal li attivitajiet bħal dawn kienu jkomplu jqiegħdu lil pajjiżna fuq il-mappa tat-turiżmu sportiv. Hu qal li t-turiżmu sportiv kien wieħed minn niċeċ l-aktar importanti tas-settur turistiku li jattira ’l fuq minn 80,000 viżitatur kull sena. Hu fakkar li llum, li s-settur turistiku hu mibni fuq ‘segments’, it-turiżmu sportiv kellu s-‘segment leader’ tiegħu li kien responsabbli li jiżgura li dan is-settur jmur ’l quddiem u jikseb il-miri stabbiliti.
“Minn attivitajiet bħal dawn sportivi barranin jibbenefikaw mill-impjanti sportivi li għandna f’pajjiżna u jmorru lura jagħmlu reklam għal Malta. Min-naħa l-oħra din l-attivita’ tagħti l-opportunita’ lill-komunita’ Maltija biex issegwi l-aqwa tiraturi li se jkunu qed jagħmlu isem fil-futur f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Fost dawn hemm tiraturi Maltin li se jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, “ qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-“Malta International Trap Grand Prix” jipprovdi opportunità eċċellenti għal kompetizzjoni sana li tista’ tgħixha biss permezz ta’ l-isport.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul l-aħħar snin f’pajjiżna nbnew diversi impjanti sportivi filwaqt li ġew modernizzati oħrajn eżistenti. Hu qal li dawn l-impjanti jikkontribwixxu biex f’pajjiżna jiġu organizzati attivitajiet sportivi fuq bażi internazzjonali u reġjonali u biex jsiru kampijiet tax-xitwa għal sportivi mill-Ewropa ta’ Fuq fejn il-klima ma tkunx tajba.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan is-settur turistiku kien qed jikber u llum b’sodosfazzjon inqisuh bħala wieħed mis-seba’ niċeċ ewlenin fil-qasam turistiku Malti. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-‘Malta Shooting Federation’ għall-inizjattiva tagħhom filwaqt li awgura lit-tiraturi u lill-familji tagħhom li se jakkompanjawhom żjara mill-aqwa li matulha jkollhom iċ-ċans jaraw dak li joffri pajjiżna lill-viżitatur barrani.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958