“ĠBIR TA’ INFORMAZZJONI GĦALL-PROMOZZJONI TA’ NEGOZJI ŻGĦAR FIŻ-ŻONI INDUSTRIJALI” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
Bħala parti mill-ħidma tal-Gvern favur is-self employed u sidien ta’ negozji żgħar, is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għaddej b’ħidma ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar dawk in-negozji li jinsabu f’żoni industrijali. Dan qiegħed isir għal żewġ għanijiet, l-ewwel biex ikun hemm informazzjoni aktar kompluta dwar in-negozji li jinsabu f’dawn iż-żoni, kif ukoll biex din l-informazzjoni tintuża f’eżerċizzju ta’ marketing għall-istess negozji żgħar.
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo organizza numru ta’ laqgħat f’kull żona industrijali. Waqt dawn il-laqgħat huwa kien spjega li issa li x-xogħlijiet infrastrutturali huma kważi kollha lesti, imiss li tibda ħidma sabiex ikomplu jittejjbu n-negozji ta’ dawn iż-żoni.
Is-Segretarjat għalhekk beda jiġbor informazzjoni biex:
§ Jkun jista’ jpoġġi parti mill-informazzjoni li tinġabar fuq web-site ġdida li s-Segretajat qiegħed jipproduċi bħalissa. Permezz ta’ din il-web-site, barra li wieħed ikun jista’ jkun jaf liema huma dawk in-negozji li jinsabu f’żona industrijali partikolari, ikun qiegħed jinbeda proċess ta’ marketing ta’ dawn in-negozji fost il-konsumaturi.
§ B’din l-informazzjoni ser ikun possibbli wkoll li s-Segretarjat ikun jaf liema huma n-negozji u permezz tal-gazzetta Ħidmitna, li tiġi ppubblikata regolarment mis-Segretarjat, jiġi mqassam direttorju li juri pjanta bl-ismijiet tan-negozji li jinsabu fit-toroq kollha taż-żoni industrijali.
§ B’dawn l-ismijiet tan-negozji, is-Segretarjat ikun jista’ jpoġġi fil-prattika idea ssuġġerita mis-sidien tan-negozji stess sabiex jitwaħħlu tabelli fil-kantunieri ta’ kull triq bl-ismijiet tan-negozji, biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu isibuhom malajr.
§ Bil-ġbir ta’ din l-informazzjoni ukoll, is-Segretarjat ikun jista’ jidentifika min għad m’għandux liċenza tan-negozju, u jgħin lil dawn in-negozji biex jiksbu din il-liċenzja, bl-inqas inkonvenjent u bl-inqas burokrazija possibbli.
F’dawn l-aħħar xhur, is-Segretarjat ħadem biex il-proċess għall-applikazzjoni għal liċenza ta’ negozji ġie ssimplifikat ħafna, u llum huwa faċli ħafna li negozju japplika għal liċenza tan-negozju. Ir-riżultati ta’ din il-ħidma jidhru fil-fatt li n-numru ta’ applikazzjonijiet għal liċenzi tan-negozju kibru. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fil-fatt qal li l-għan tiegħu hu li “ninkoraġġixxi u niffaċilita kif wieħed jista’ jipproteġi lilu nnifsu billi jopera skond il-liġi.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958