4.2 MILJUN EUROS F’GĦAJNUNA DIRETTA MILL-UNJONI EWROPEA
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu żar wieħed mill-ikbar irziezet tal-fniek f’Malta.
F’Malta hawn ’il fuq minn 18-il razzett tal-fniek li huma reġistrati mad-dipartiment tas-servizz veterinarju, li bejniethom għandhom iktar minn 7,500 fenka għall produzzjoni. Malta tirreġistra l-ogħla ammont ta’ nies li jikkunsmaw il-laħam tal-fniek fid-dinja. Huwa kkalkulat li kull persuna f’Malta tikkonsma ftit iktar minn 10kg fis-sena.
Parti mill-għajnuna li tinghata lis-settur agrikolu hija għal investiment fuq l-irziezet u parti għall-marketing u l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli. Dawn il-miżuri huma mgħarufa bħala 3.1 u 3.2. L-għajnuna għall dawn iż-żewg miżuri tingħata mill-Unjoni Ewropea (70%) kif ukoll mill-Gvern Malti (30%). Bejn is-snin 2004 u 2006 taħt il-miżuri 3.1 u 3.2 biss ibbenefika minn 4.2 miljun euros li huma flus diretti li ġejjin mill Unjoni Ewropea. Għall din is-sena il-fondi kollha li settur tal-biedja jista’ jibbenefika minnhom huwa iktar minn 20 miljun Euro. Dr Agius reġa’ fakkar kif l-għajnuna finanzjarja kollha li tingħata mhix taxxabbli.
Dr Agius kompla jgħid kemm huwa importanti li dawk kollha midħla tas-settur agrikolu u tas-settur tas-sajd japplikaw għall-fondi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti. Min japplika irid ikun eliġibbli skond ir-regoli li jitolbu l-istess miżuri ta' l-Unjoni Ewropea.
Minn dawn l-investimenti fis-settur agrikolu jibbenefika ukoll il-konsumatur li jsib il-prodott lokali frisk, ġenwin u f’kundizzjonijiet ta’ l-aħjar iġjene.
Ġie spjegat ukoll kif il-ġwiez li jingħata lill-fniek f'dan ir-razzett jiġi pproċessat fil-post u kif jiġi mħallat xjentifikament skond iż-żmien tat-trobbija li jkunu fih il-fniek. Fuq dan ir-razzett hemm sistema li tiġbor l-ilma kollu tax-xita li wara dan jiġi trattat kontra kull tip ta’ mard biex ikun jista’ jingħata għax-xorb lil istess fniek. Hawn ukoll wieħed jista’ jara sistema mill aktar moderna li tgħin biex tinżamm it-temperatura tar-razzett ħalli tgħin fil-produzzjoni tal-fniek kif ukoll toħloq umdita’ adekwata li taffi s-sħana fix-xhur tas-sajf.
Ġie spjegat ukoll kif f'qasir żmien ser ikun hemm biċċerija skond l-istandards ta' l-Unjoni Ewropea ma’ l-istess razzett.
Dr Agius innota b’sodisfazzjon il-fatt li fuq dan ir-razzett ittieħdu miżuri biex wieħed ikun jista’ jħares l-ambjent. Is-sistema li tinsab fuq dan ir-razzett ta’ kif wieħed jiddisponi mill-ħmieġ tal-fniek hija waħda mekkanika u din tissepara l-iskart solidu min dak likwidu. B’hekk wieħed ikun mhux biss iħares l-animal welfare għax ikun hemm iktar indafa fuq ir-razzett imma nkunu qed inkomplu ngħinu ma l-ħidma li qed jgħamel il-gvern biex inkomlu intejbu l-ambjent ta’ madwarna qal Dr Agius.
Dr Agius tenna kif dan, għal darb’oħra, juri li s-settur ta' l-agrikoltura hemm postu f'pajjiżna u kif dan is-settur qed jibbenefika minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti kif kien imwiegħed qabel l-elezzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958