MINN “THE STAR SCHEME” GĦAL “BRAND CHAMPION”
L-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta s-sena l-oħra nediet skema bl-iskop li tirrikonoxxi pubblikament sforzi għal servizz tajjeb li ħaddiema li jiġu f’kuntatt mal-pubbiku jagħtu lit-turist. Din l-iskema kienet magħrufa bħala “The Star Scheme”. Din l-iskema ġiet ippruvata għal sena u issa se titnieda skema aktar wiesgħa wara konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet u assoċjazzjonijiet.
L-iskema l-ġdida “Brand Champion” torbot mal-kunċett tal-branding għal pajjiżna. Se jkun hemm “Brand Champion” fi 18-il kategorija li se jintgħażlu mit-turisti li se jingħataw formola b’erba’ lingwi ewlenin biex matul iż-żjara tagħhom jinnominaw lil min jidhrilhom huma. It-turisti se jkollhom ukoll inċentiv taħt forma ta’ premju ta’ żewġ biljetti ta’ l-ajru mogħtija mill-kumpanija nazzjonali ta’ l-ajru l-Air Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qassam il-premjijiet lir-rebbieħa ta’ “The Star Scheme 2005” filwaqt li kien imniedi “The Brand Champion 2006”.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kull inizjattiva maħsuba biex jogħla l-livell tas-servizz li jingħata lit-turist kienet ta’ min jinkorraġiha. Hu qal li l-Gvern irid li Malta ma tkunx sempliċiment destinazzjoni bħall-oħrajn iżda esperjenza sabiħa. Hu qal li biex it-turist jieħu esperjenza tajba ta’ pajjiżna s-servizz kien element importanti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li lit-turist irridu nagħtuh l-aħjar servizz u anke valur għall-flus li jonfoq. Hu qal li rridu wkoll insaħħu n-niċeċ turistiċi li għandna u nidentifikaw oħrajn biex inkomplu niddiversifikaw. Hu qal li diġa’ rnexxilna niddiversifikaw 44 fil-mija tas-suq turistiku tagħna lejn il-wirt kulturali u storiku; konferenzi u inċentivi; sports; tagħlim tal-lingwa Ingliża; u Għawdex bħala destinazzjoni għaliha. Hu qal li l-ħidma tal-Gvern u l-MTA għandhom ikunu indirizzati lejn li nkomplu niddiversifikaw is-swieq tagħna.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li aktar kmieni din il-ġimgħa tnediet kampanja pubbliċitarja fuq l-istazzjon internazzjonali u l-internet portal tas-CNN. Hu qal li t-tema ta’ din il-kampanja hi “I am Malta”. Hu qal li anke f’din l-iskema tal-“Brand Champion” din it-tema hi importanti jekk irridu li negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna fis-suq turistiku internazzjonali.
“Ilkoll kemm aħna għandna responsabbilta’ fl-industrja turistika lokali. Ir-rebbieħa tal-lejla fl-iStar Scheme urew bil-fatti li huma l-isbaħ Malta li rridu noffru lit-turist,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li fakkar li bħala Gvern u Awtorita’ ħdimna bla heda biex intejjbu il-prodott turistiku tagħna u żidna l-isforzi biex Malta bħala destinazzjoni tingħata aktar promozzjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li inizjattiva importanti bħal din tal-“Brand Champion” mhix biss mezz ta’ kif nirrikonoxxu l-impenn tar-riżorsi umani f’din l-industrja iżda hi wkoll opportunita’ biex nisimgħu dak li t-turist għandu x’jgħidilna dwar dak li qed noffrulu, kemm dak li hu tajjeb kif ukoll dak li hu ħażin.
“Meta turist jikteb biex jissuġerixxi xi ħaġa, jew biex jilmenta dwar xi servizz li ngħata, din m’għandiex tkun problema għalina iżda opportunita’ biex inkomplu ntejjbu dak li bnejna u ksibna f’din l-industrja li hi ta’ kulħadd,” qal il-Ministru Zammit Dimech li tenna li l-poplu kollu għandu jagħti sehmu biex it-turist iħossu milqugħ tajjeb f’pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lir-rebbieħa u ħeġġeġ biex kulħadd jieħu l-eżempju tagħhom ħalli kulħadd ikun il-“Brand Champion” ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958