TITNIEDA INIZJATTIVA BIEX TIŻDIED IS-SIGURTÀ FIT-TOROQ MALTIN
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett illum wara nofsinhar nieda inizjattiva ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) li għandha l-għan li żżid is-sigurtà fit-toroq għal dawk kollha li jużawhom.
L-inizjattiva imsejħa “Safety First” tinkludi serje ta’ kampanji pubbliċitarji immirati lejn users speċifiċi tat-toroq. “Safety First” ser tiġi finanzjata mill-multi ta’ l-ispeed cameras u minn sponsors għal kull kampanja.
F’diskors waqt it-tnedija ta’ “Safety First”, il-Ministru Jesmond Mugliett qal li għalkemm Malta kellha u għad għandha l-inqas medja ta’ mwiet kawża ta’ inċidenti tat-traffiku fost il-25 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, ħarsa lejn statistika reċenti turi li din ir-rata ta’ mwiet tista’ tkompli titbaxxa bi ftit aktar attenzjoni.
“Ir-rata ta’ mwiet fit-toroq ta’ Malta kienet ta’ 33 għal kull miljun ruħ fis-sena 2004. Din hija l-aktar rata baxxa fost il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Iżda dejjem hemm lok għal titjib. Mhux għall-finijiet ta’ l-istatistika, imma għax irridu nżommu f’moħħna li kull mewta li sseħħ fit-toroq hija traġedja li tkisser il-ħajja tal-vittma u ta’ dawk li kienu qribha. Kull mewta fit-toroq tista’ tiġi evitata u din l-inizjattiva għandha propju dan l-għan,” qal il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li fl-aħħar snin saret ħidma kbira fuq it-titjib ta’ l-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna bil-bini ta’ toroq ġodda u rikostruzzjoni ta’ kilometri ta’ toroq skond standards li jpoġġu s-sigurtà fuqnett fil-lista ta’ prijoritajiet tagħhom. Hu semma d-diżinn aħjar tal-junctions u l-inklużjoni ta’ faċilitajiet għal min ikun qed jimxi fit-toroq bħala eżempji ta’ dawn l-istandards ġodda fil-prattika.
Il-Ministru Mugliett semma wkoll li miżuri oħra bħall-introduzzjoni ta’ l-ispeed cameras f’ċerti toroq, li għenu biex inċidenti tat-traffiku kkawżati minn sewqan żejjed jonqsu bil-kbir jew saħansitra jiġu eliminati għal kollox.
“Għalkemm m’humiex popolari mal-pubbliku, joħroġ ċar li l-inċidenti tat-traffiku fi black spots bħalma kienet il-liwja fil-bypass tal-Imrieħel, naqsu drastikament wara li twaħħlu l-ispeed cameras matulha,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-persentaġġ li tieħu l-ADT kull sena mill-multi li jinġabru mill-ispeed cameras qed jiġi nvestit kollu kemm hu fl-inizjattiva “Safety First”.
Hu qal li l-Unjoni Ewropea qed tagħti dejjem aktar importanza lil dan il-qasam tant li dan kien is-suġġett ewlieni li għażlet il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill f’laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret f’Marzu.
“Fis-sena 2000 l-Unjoni Ewropea kienet qablet li tpoġġi l-mira li tnaqqas l-imwiet fit-toroq bin-nofs f’għaxar snin. Illum din il-politika mmaturat tant li l-fl-aħħar laqgħa il-25 pajjiż qablu li jniedu kampanja ta’ informazzjoni komuni għall-UE kollha. L-ewwel suġġett magħżul għal din il-kampanja pan-Ewropea ser ikun is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u s-sewqan taħt għejja kbira,” qal il-Ministru.
L-ewwel kampanja pubblika li tnediet illum għandha l-għan li żżid l-użu tas-seat belts fuq wara tal-vetturi u l-użu ta’ apparat għat-tfal u t-trabi, propju minħabba li stħarriġ reċenti wera li għalkemm l-użu tas-seat belts fuq quddiem huwa għoli b’ 97% tas-sewwieqa li jużawhom, l-użu tas-seat belts ta’ wara huwa baxx ħafna b’26% ta’ l-adulti u 15% tat-tfal biss li jużawhom.
Il-Ministru qal li l-kampanja ser tkun maqsuma f’erba’ partijiet li ser tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ bosta stakeholders oħrajn f’dan il-qasam fosthom il-gwardjani lokali, il-pulizija u l-enforcement officers ta’ l-Awtorità.
Ser jibdew jitqassmu fuljetti dwar l-użu tas-seat belts fuq wara tal-vetturi u l-użu ta’ apparat għat-trabi u t-tfal. Dawn qed jiġu sponsorjati minn kumpannija lokali.
Il-gwardjani lokali ser jibdew joħorġu avviż minflok multa għall-ewwel darba meta xi ħadd jinqabad ma jużax is-seat belts fuq wara tal-vettura.
L-enforcement officers ta’ l-Awtorità bl-għajnuna mill-pulizija ser joqgħodu fil-viċinanzi ta’ junctions partikolari u jieħdu dettalji ta’ vetturi li l-passiġġieri fihom ma jkunux qed jilbsu s-seat belt fuq wara. Is-sidien ta’ dawn il-vetturi wara jirċievu nota mingħand l-Awtorità li tfakkarhom dwar ir-responsabilitajiet tagħhom meta jkunu qed iġorru passiġġieri fil-vetturi tagħhom.
Ser jibdew jixxandru wkoll spots ta’ informazzjoni fuq ix-xandir ta’ l-Istat.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, filwaqt li rringrazzja lill-isponsors u lil dawk kollha involuti f’din il-kampanja, awgura li din tikseb is-suċċess mixtieq u li twassal għal aktar kuxjenza fir-responsabilitajiet ta’ kull min ikun qed iġorr passiġġieri miegħu.
Vivian Corporation Limited, li huma l-aġenti esklussivi tal-Chicco f’Malta qed jisponsorjaw il-fuljett li tħejja mill-Awtorità dwar it-Trasport li jagħmel parti minn din il-kampanja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958