Left arrow Go Back

TITNIEDA INIZJATTIVA BIEX TIŻDIED IS-SIGURTÀ FIT-TOROQ MALTIN

pr0766
Date Icon 24/05/2006

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett illum wara nofsinhar nieda inizjattiva ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) li għandha l-għan li żżid is-sigurtà fit-toroq għal dawk kollha li jużawhom.

L-inizjattiva imsejħa “Safety First” tinkludi serje ta’ kampanji pubbliċitarji immirati lejn users speċifiċi tat-toroq. “Safety First” ser tiġi finanzjata mill-multi ta’ l-ispeed cameras u minn sponsors għal kull kampanja. 

F’diskors waqt it-tnedija ta’ “Safety First”, il-Ministru Jesmond Mugliett qal li għalkemm Malta kellha u għad għandha l-inqas medja ta’ mwiet kawża ta’ inċidenti tat-traffiku fost il-25 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea, ħarsa lejn statistika reċenti turi li din ir-rata ta’ mwiet tista’ tkompli titbaxxa bi ftit aktar attenzjoni. 

“Ir-rata ta’ mwiet fit-toroq ta’ Malta kienet ta’ 33 għal kull miljun ruħ fis-sena 2004. Din hija l-aktar rata baxxa fost il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Iżda dejjem hemm lok għal titjib. Mhux għall-finijiet ta’ l-istatistika, imma għax irridu nżommu f’moħħna li kull mewta li sseħħ fit-toroq hija traġedja li tkisser il-ħajja tal-vittma u ta’ dawk li kienu qribha. Kull mewta fit-toroq tista’ tiġi evitata u din l-inizjattiva għandha propju dan l-għan,” qal il-Ministru Mugliett. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żied jgħid li fl-aħħar snin saret ħidma kbira fuq it-titjib ta’ l-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna bil-bini ta’ toroq ġodda u rikostruzzjoni ta’ kilometri ta’ toroq skond standards li jpoġġu s-sigurtà fuqnett fil-lista ta’ prijoritajiet tagħhom. Hu semma d-diżinn aħjar tal-junctions u l-inklużjoni ta’ faċilitajiet għal min ikun qed jimxi fit-toroq bħala eżempji ta’ dawn l-istandards ġodda fil-prattika. 

Il-Ministru Mugliett semma wkoll li miżuri oħra bħall-introduzzjoni ta’ l-ispeed cameras f’ċerti toroq, li  għenu biex inċidenti tat-traffiku kkawżati minn sewqan żejjed jonqsu bil-kbir jew saħansitra jiġu eliminati għal kollox.  

“Għalkemm m’humiex popolari mal-pubbliku, joħroġ ċar li l-inċidenti tat-traffiku fi black spots bħalma kienet il-liwja fil-bypass tal-Imrieħel, naqsu drastikament wara li twaħħlu l-ispeed cameras matulha,” żied jgħid il-Ministru Mugliett. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-persentaġġ li tieħu l-ADT kull sena mill-multi li jinġabru mill-ispeed cameras qed jiġi nvestit kollu kemm hu fl-inizjattiva “Safety First”.  

Hu qal li l-Unjoni Ewropea qed tagħti dejjem aktar importanza lil dan il-qasam tant li dan kien is-suġġett ewlieni li għażlet il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill f’laqgħa informali tal-Ministri tat-Trasport li saret f’Marzu. 

“Fis-sena 2000 l-Unjoni Ewropea kienet qablet li tpoġġi l-mira li tnaqqas l-imwiet fit-toroq bin-nofs f’għaxar snin. Illum din il-politika mmaturat tant li l-fl-aħħar laqgħa il-25 pajjiż qablu li jniedu kampanja ta’ informazzjoni komuni għall-UE kollha. L-ewwel suġġett magħżul għal din il-kampanja pan-Ewropea ser ikun is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u s-sewqan taħt għejja kbira,” qal il-Ministru. 

L-ewwel kampanja pubblika li tnediet illum għandha l-għan li żżid l-użu tas-seat belts fuq wara tal-vetturi u l-użu ta’ apparat għat-tfal u t-trabi, propju minħabba li stħarriġ reċenti wera li għalkemm l-użu tas-seat belts fuq quddiem huwa għoli b’ 97% tas-sewwieqa li jużawhom, l-użu tas-seat belts ta’ wara huwa baxx ħafna b’26% ta’ l-adulti u 15% tat-tfal biss li jużawhom. 

Il-Ministru qal li l-kampanja ser tkun maqsuma f’erba’ partijiet li ser tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ bosta stakeholders oħrajn f’dan il-qasam fosthom il-gwardjani lokali, il-pulizija u l-enforcement officers ta’ l-Awtorità.  

  • Ser jibdew jitqassmu fuljetti dwar l-użu tas-seat belts fuq wara tal-vetturi u l-użu ta’ apparat għat-trabi u t-tfal. Dawn qed jiġu sponsorjati minn kumpannija lokali.

  • Il-gwardjani lokali ser jibdew joħorġu avviż minflok multa għall-ewwel darba meta xi ħadd jinqabad ma jużax is-seat belts fuq wara tal-vettura.

  • L-enforcement officers ta’ l-Awtorità bl-għajnuna mill-pulizija ser joqgħodu fil-viċinanzi ta’ junctions partikolari u jieħdu dettalji ta’ vetturi li l-passiġġieri fihom ma jkunux qed jilbsu s-seat belt fuq wara. Is-sidien ta’ dawn il-vetturi wara jirċievu nota mingħand l-Awtorità li tfakkarhom dwar ir-responsabilitajiet tagħhom meta jkunu qed iġorru passiġġieri fil-vetturi tagħhom.

  • Ser jibdew jixxandru wkoll spots ta’ informazzjoni fuq ix-xandir ta’ l-Istat.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, filwaqt li rringrazzja lill-isponsors u lil dawk kollha involuti f’din il-kampanja, awgura li din tikseb is-suċċess mixtieq u li twassal għal aktar kuxjenza fir-responsabilitajiet ta’ kull min ikun qed iġorr passiġġieri miegħu. 

Vivian Corporation Limited, li huma l-aġenti esklussivi tal-Chicco f’Malta qed jisponsorjaw il-fuljett li tħejja mill-Awtorità dwar it-Trasport li jagħmel parti minn din il-kampanja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow