ATTIVITAJIET SPORTIVI GĦALL-ISTUDENTI TAL-PRIMARJI
Minkejja s-sħana li qed tagħmel f’dawn il-ġranet, mijiet ta’ tfal ta’ l-iskejjel primarji ta’ l-Istat qed jipparteċipaw fi tlett sports festivals li qed isiru fil-‘Matthew Micallef St. John’ Stadium fil-Marsa. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-attività tal-lum, fejn 17-il skola kienu qed jipparteċipaw f’diversi dixxiplini sportivi. Din hi t-tielet u l-aħħar attività biex b’hekk l-iskejjel primarji kollha ta’ l-Istat ikunu ipparteċipaw f’dan il-festival ta’ sport.
Il-Ministru Galea tkellem ma’ l-istudenti dwar kemm l-isport huwa importanti daqs suġġetti oħra akkademiċi. Hu qal li spiss l-isport jingħata t-tieni jew saħansitra l-aħħar post fl-iskola u fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, u dan ma jagħmlilniex ġid. Louis Galea qal li l-isport jgħin biex inżommu lilna nfusna f’saħħitna u jgħin ukoll biex niksbu ħiliet importanti bħall-kapaċità li naħdmu f’tim, il-kapaċità li wieħed jikkompeti b’mod ġust u jkun jaf jirbaħ u jitlef, kif ukoll nitgħallmu jkollna miri għolja u naħdmu biex nilħquhom jekk mhux nissuperawhom.
Louis Galea qal lill-istudenti biex jieħdu l-isport bis-serjetà, jagħmlu l-almu tagħhom u biex ikomplu jisfidaw lilhom infushom biex dejjem ikomplu jtejjbu l-prestazzjoni tagħhom. Hu temm jawgura li issa li ġej is-sajf, l-istudenti jaqbdu xi sport ieħor partikolarment dawk marbuta mal-baħar biex ikomplu bl-attività fiżika matul is-sajf u jużaw il-ħin liberu tagħhom b’mod għaqli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958