LM 4,000 F’KOTBA GĦALL-ISKEJJEL TA’ BIRŻEBBUĠIA
Aktar minn Lm4,000 f’kotba ngħataw lil-libreriji ta’ l-iskejjel tal-Gvern f’Birżebbugia. Il-kotba li ngħataw mill-kumpanija Oiltanking Malta Ltd jinkludu kotba għat-tfal ta’ l-etajiet ta’ l-iskola primarja kif ukoll set kotba għall-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ San Benedittu.
Għalkemm l-inizjattiva kienet ittieħdet mill-kap ta’ l-iskola primarja ’B’ ta’ Birżebbuġia tliet snin ilu, meta l-iskejjel ta’ Birżebbuġia saru parti mill-Kulleġġ San Benedittu, il-kumpanija Oiltanking fehmet il-kunċett tan-networking u ddeċidiet testendi l-isponsorship tagħha biex il-kotba jkopru wkoll l-iskola primarja ‘A’ ta’ Birżebbuġia kif ukoll kotba għall-iżvilupp professjonali ta’ l-Għalliema tal-Kulleġġ.
Id-Direttur tal-kumpanija Oil Tanking Malta Ltd, is-Sur Sonke Stein qal li meta l-kumpanija ġiet ikkuntattjata mill-iskola biex tgħin fix-xiri tal-kotba għal-librerija ta’ l-iskola, il-kumpanija mill-ewwel ħasset li din kienet opportunità biex tkompli bl-impenn soċjali tagħha fil-komunità ta’ Birżebbuġia, iżda wkoll opportunità biex tgħin fl-edukazzjoni tat-tfal, li hu l-aħjar investiment li wieħed jista jagħmel.
“Oiltanking Malta tixtieq li t-tfal kollha ta’ Birżebbuġia jgawdu minn dan ir-rigal. Aħna nagħtu attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ Birżebbuġia għax nemmnu li b’edukazzjoni tajba dan il-pajjiż sabiħ jistagħna fl-Unjoni Ewropea.”
Il-Ministru Galea tkellem dwar l-importanza tan-networking bejn l-iskejjel għall-benefiċċju reċiproku ta’ l-iskejjel u l-aktar għall-benefiċċju tat-tfal. Hu qal li minn mindu beda l-proġett pilota tal-kulleġġi ta’ Għawdex, Kottonera u San Benedittu, diġà bdew jinħassu ċerti benefiċċji u hemm diversi esperjenzi pożittivi li qed iħallu ħafna frott. L-attività ta’ llum ukoll turi kemm hu importanti li l-iskejjel jaħdmu flimkien u dan wassal biex l-iskejjel jiksbu aktar appoġġ kif ukoll riżorsi għall-għalliema kollha tal-kulleġġ. Hu qal ukoll li l-attività ta’ llum torbot ukoll mal-miri tal-kulleġġ li jkompli jtejjeb il-livell ta’ qari u kitba fil-Malti u l-Ingliż fost it-tfal tal-kulleġġ.
Louis Galea temm jirringrazzja lill-kumpanija Oiltanking Malta Limited għall-appoġġ u l-impenn kontinwu tagħhom fil-komunità. Hu qal li l-Oiltanking Malta ilha għal numru ta’ snin issa tagħti appoġġ konkret fil-komunità ta’ Birżebbuġia u li mingħajr dan l-appoġġ, ċerti iniżjattivi forsi ma jkunux possibbli.
Hu faħħar ukoll l-impenn tal-Kapijiet ta’ l-iskejjel ta’ Birżebbuġia u l-ħidma tal-ko-ordinatriċi tal-Kulleġġ San Benedittu, is-Sinjorina Marylyn Sciortino.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958