Left arrow Mur Lura

Wirja li tfakkar lill-kompożitur Malti Paolino Vassallo

pr0762
Date Icon 23/05/2006

Din is-sena jaħbat il-150 anniversarju mit-twelid ta’ Paolino Vassallo, wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin.  

Paolino Vassallo studja f’Malta u wara ssokta bl-istudji tiegħu fil-Conservatoire Royale f’Pariġi  fejn kien mal-kompożituri famużi Massenet, Guiraud u Gounod. Wara żmien imexxi l-orkestra fl-Opera-Comique u l-famuża Orkestra Lamoteux, Vassallo rritorna Malta fejn waqqaf l-iskola tal-mużika tiegħu. Fl-1902 inħatar maestro di cappella tal-katedral ta’ l-Imdina u dak tal-belt Valletta. Vassallo kien kompożitur prolifiku ta’ mużika saġra, orkestrali u dik magħrufa bhala ‘da camera’ u anke kiteb tliet opri: Amor Fatale, Frazir u Edith Cavell. 

L-Orkestra Nazzjonali ħadet l-inizjattiva biex torganizza attivitajiet ħalli tfakkar dan l-avveniment. Dawn l-attivitajiet jinkludu wirja dwar il-ġrajja u x-xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur, ktejjeb kommemorattiv u  informattiv dwar il-ħajja  u x-xogħlijiet ta’ Vassallo u kunċert mill-Orkestra Nazzjonali  li jinkludi kompożizzjonijiet li qatt ma ġew imtella’, jew li ttellgħu rarament, wara l-mewt tal-kompożitur. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura l-wirja li se tibqa’ miftuħa fis-Sala Isouard tat-Teatru Manoel bejn it-23 u l-31 ta’ Mejju. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li Paolino Vassallo hu wieħed fost l-aqwa kompożituri li qatt ra pajjiżna, kompożitur li x-xogħlijiet tiegħu ttellgħu f’Malta u barra minn pajjiżna. Hu qal li Vassallo ma kkomponiex biss, iżda kien ukoll għalliem; tant li kellu l-iskola tiegħu tal-mużika. Hu qal li b’hekk hu għadda l-għerf mużikali tiegħu lil numru kbir ta’ żgħażagħ li komplew fejn ħalla dan il-ġenju mużikali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kompożizzjonijiet ta’ Paolino Vassallo jfakkruna fil-ħidma kbira li qed issir f’pajjiżna biex tinxtered aktar il-kultura tal-mużika. Hu qal li f’din il-kampanja biex il-mużika tinxtered aktar qalb il-poplu l-Orkestra Nazzjonali qiegħda fuq quddiem bil-preżentazzjonijiet li qed tagħti b’mod regolari u li numru minnhom –  bħall-Kunċert ta’ l-Epifanija, il-kunċert f’Jum l-Indipendenza u l-Kunċert li jfakkar is-Sħubija ta’ Malta fl-UE – daħlu fil-kalendarju ta’ attivitajiet mużikali. Hu qal li l-Orkestra Nazzjonali waqqfet ukoll l-Orkestra Nazzjonali għaż-Żgħażagħ fejn mużiċisti żgħażagħ qed jitħarrġu.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-każini tal-baned ukoll kienu jagħtu sehem qawwi fit-tagħlim tal-mużika. Hu qal li dawn kienu jagħtu kunċerti u jgħallmu l-arti tal-mużika liż-żgħażagħ. Hu qal li fl-2004 in-numru ta’ bandisti u allievi tela’ għal 4,106. Hu qal li fl-istess sena, l-baned tellgħu 1,186 programm f’Malta u Għawdex filwaqt li pproduċew diversi tipi ta’ pubblikazzjonijiet bħal kotba, magazines, audiocasettes u CDs. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-popolarita’ tal-każini tal-baned toħroġ ukoll mill-fatt li fl-2004 dawn kellhom 25,832 membru, żieda ta’ wieħed fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.  

“Illum l-Orkestra Nazzjonali qed tieħu l-inizjattiva li torganizza din il-wirja dwar il-ħajja u x-xogħlijiet ta’ Paolino Vassallo. Dan juri li l-Orkestra Nazzjonali mhux biss jinteressaha li ttella’ programmi orkestrali iżda wkoll li tfakkar kompożituri Maltin li allegrawna bil-mużika tagħhom u li għamlu isem għal pajjiżna ’l bogħod minn xtutna,” qal il-Ministru Zammit Dimech filwaqt li awgura lill-Orkestra Nazzjonali u lit-Teatru Manoel, ikomplu bil-ħidma tagħhom favur it-tixrid ta’ l-arti mużikali f’pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow