Wirja li tfakkar lill-kompożitur Malti Paolino Vassallo
Din is-sena jaħbat il-150 anniversarju mit-twelid ta’ Paolino Vassallo, wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin.
Paolino Vassallo studja f’Malta u wara ssokta bl-istudji tiegħu fil-Conservatoire Royale f’Pariġi fejn kien mal-kompożituri famużi Massenet, Guiraud u Gounod. Wara żmien imexxi l-orkestra fl-Opera-Comique u l-famuża Orkestra Lamoteux, Vassallo rritorna Malta fejn waqqaf l-iskola tal-mużika tiegħu. Fl-1902 inħatar maestro di cappella tal-katedral ta’ l-Imdina u dak tal-belt Valletta. Vassallo kien kompożitur prolifiku ta’ mużika saġra, orkestrali u dik magħrufa bhala ‘da camera’ u anke kiteb tliet opri: Amor Fatale, Frazir u Edith Cavell.
L-Orkestra Nazzjonali ħadet l-inizjattiva biex torganizza attivitajiet ħalli tfakkar dan l-avveniment. Dawn l-attivitajiet jinkludu wirja dwar il-ġrajja u x-xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur, ktejjeb kommemorattiv u informattiv dwar il-ħajja u x-xogħlijiet ta’ Vassallo u kunċert mill-Orkestra Nazzjonali li jinkludi kompożizzjonijiet li qatt ma ġew imtella’, jew li ttellgħu rarament, wara l-mewt tal-kompożitur.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech inawgura l-wirja li se tibqa’ miftuħa fis-Sala Isouard tat-Teatru Manoel bejn it-23 u l-31 ta’ Mejju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Paolino Vassallo hu wieħed fost l-aqwa kompożituri li qatt ra pajjiżna, kompożitur li x-xogħlijiet tiegħu ttellgħu f’Malta u barra minn pajjiżna. Hu qal li Vassallo ma kkomponiex biss, iżda kien ukoll għalliem; tant li kellu l-iskola tiegħu tal-mużika. Hu qal li b’hekk hu għadda l-għerf mużikali tiegħu lil numru kbir ta’ żgħażagħ li komplew fejn ħalla dan il-ġenju mużikali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kompożizzjonijiet ta’ Paolino Vassallo jfakkruna fil-ħidma kbira li qed issir f’pajjiżna biex tinxtered aktar il-kultura tal-mużika. Hu qal li f’din il-kampanja biex il-mużika tinxtered aktar qalb il-poplu l-Orkestra Nazzjonali qiegħda fuq quddiem bil-preżentazzjonijiet li qed tagħti b’mod regolari u li numru minnhom – bħall-Kunċert ta’ l-Epifanija, il-kunċert f’Jum l-Indipendenza u l-Kunċert li jfakkar is-Sħubija ta’ Malta fl-UE – daħlu fil-kalendarju ta’ attivitajiet mużikali. Hu qal li l-Orkestra Nazzjonali waqqfet ukoll l-Orkestra Nazzjonali għaż-Żgħażagħ fejn mużiċisti żgħażagħ qed jitħarrġu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-każini tal-baned ukoll kienu jagħtu sehem qawwi fit-tagħlim tal-mużika. Hu qal li dawn kienu jagħtu kunċerti u jgħallmu l-arti tal-mużika liż-żgħażagħ. Hu qal li fl-2004 in-numru ta’ bandisti u allievi tela’ għal 4,106. Hu qal li fl-istess sena, l-baned tellgħu 1,186 programm f’Malta u Għawdex filwaqt li pproduċew diversi tipi ta’ pubblikazzjonijiet bħal kotba, magazines, audiocasettes u CDs. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-popolarita’ tal-każini tal-baned toħroġ ukoll mill-fatt li fl-2004 dawn kellhom 25,832 membru, żieda ta’ wieħed fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
“Illum l-Orkestra Nazzjonali qed tieħu l-inizjattiva li torganizza din il-wirja dwar il-ħajja u x-xogħlijiet ta’ Paolino Vassallo. Dan juri li l-Orkestra Nazzjonali mhux biss jinteressaha li ttella’ programmi orkestrali iżda wkoll li tfakkar kompożituri Maltin li allegrawna bil-mużika tagħhom u li għamlu isem għal pajjiżna ’l bogħod minn xtutna,” qal il-Ministru Zammit Dimech filwaqt li awgura lill-Orkestra Nazzjonali u lit-Teatru Manoel, ikomplu bil-ħidma tagħhom favur it-tixrid ta’ l-arti mużikali f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958