IL-MINISTRU DOLORES CRISTINA TNIEDI L-KAMPANJA TA’ INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ DWAR IL-PROGRAMM ‘EQUAL’ GĦAL MALTA
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, nediet uffiċjalment il-kampanja ta’ informazzjoni u pubbliċità għal Programm EQUAL Malta, 2004-2006. Ix-xogħol fuq dan il-Programm kien qed isir fuq medda ta’ żmien ta’ preparament.
Dan il-Programm jippromwovi mezzi ġodda li jiġġieldu kull forma ta’ inugwaljanza u diskriminazzjoni fis-settur tax-xogħol. Il-programm jimplimenta miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħol u taħriġ għal persuni li m’għandhomx xogħol. It-trans-nazzjonalità hi element importanti ieħor fl-inizjattiva EQUAL. Permezz ta’ dan, l-imsieħba fil-proġetti f’Malta u fl-iStati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jaqsmu ma’ xulxin it-tagħlim miksub u l-prattiċi tajbin.
Il-Unit tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF) tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali hi l-istruttura nazzjonali maħtura għall-programm EQUAL u responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Programm.
Kif qalet il-Ministru Cristina, “il-pilastri prinċipali ta’ l-istrateġija Ewropea għall-impjiegi huma mibnija fuq l-aċċess adegwat għall-impieġi, l-impriża, l-opportunitajiet indaqs, u fuq kemm persuna jew azjenda tista’ taddatta ruħha għal ċirkostanzi varji. Malta ffukat fuq dawn l-erba’ temi prinċipali, b’attenzjoni partikolari ħalli l-ħames Proġetti magħżula fil-Programm EQUAL jippromwovu l-ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa.”
Is-Sur Mark Musù, Direttur għall-Affarijiet ta' l-Unjoni Ewropea u Internazzjonali fil-Ministeru qal li “l-għan ta’ din il-kampanja mhuwiex biss li jgħarraf lill-pubbliku dwar x’qed isir f’dan il-qasam, iżda wkoll biex iżid l-għarfien dwar opportunitajiet li jeżistu għall-fondi strutturali, speċjalment taħt il-Fond Soċjali Ewropew.”
Il-kampanja ta’ tagħrif fuq il-Programm EQUAL, kif ukoll kampanji oħra dwar il-proġetti individwali li jaqgħu taħt il-Programm EQUAL, għandhom l-għan li jgħinu gruppi partikolari u individwi sabiex jiksbu t-tagħrif meħtieġ dwar aktar taħriġ u edukazzjoni.
Wieħed mill-proġetti taħt il-miżura EMPLOYABILITY ġie msejjaħ Headstart u qed jitmexxa mill-Awtorità tad-Djar. Dan jipprovdi taħriġ u ċertifikati għal żgħażagħ li jkunu ser iħallu xi istituzzjoni. Permezz ta’ taħriġ, pariri tekniċi u esperjenza ta’ xogħol, dan il-proġett igħin lil parteċipanti biex ikunu jistgħu jsibu xogħol fiss. Il-proġett jgħin ukoll lil parteċipanti jiksbu akkommodazzjoni li jifilħu jħallsu għaliha.
Proġett ieħor għandu l-għan li joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għal nies vulnerabbli, permezz ta’ attivitajiet ta’ riċiklaġġ fuq skala żgħira. Dan il-proġett, li hu mmexxi mill-WasteServ, iżid l-opportunitajiet biex dawn il-persuni jiksbu xogħol fiss fil-qasam tar-riċiklaġġ - settur li l-importanza tiegħu qegħda dejjem tikber.
Taħt il-miżura ENTREPRENEURSHIP proġett immexxi mill-Malta Enterprise jħeġġeġ nies li m’għandhomx xogħol, speċjalment in-nisa, biex jibdew neġozju għal rashom. Wara li jispiċċaw it-taħriġ tagħhom, l-individwi magħżula jingħataw l-opportunità li japplikaw għal fondi biex l-idea tagħhom titwettaq f’negozju. Dawn jingħataw wkoll l-appoġġ meħtieġ fil-bidu tan-negozju tagħhom.
Taħt il-miżura EQUAL OPPORTUNITIES hemm proġett immexxi mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza (NCPE). Dan il-proġett iħeġġeġ lin-nisa jibdew jaħdmu. Permezz ta’ mezzi diversi, fosthom l-empowerment u l-użu ta’ role models, dan il-proġett għandu l-għan li jgħallem u jagħti kuraġġ lil nisa li m’għandomx impieg.
Taħt il-miżura ASYLUM SEEKERS, dwar min qed ifittex l-ażil politiku, hemm proġett immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali. Dan joffri appoġġ, gwida u, possibilment, xogħol jew apprendistat, fil-limiti tal-liġijiet eżistenti. It-taħriġ ikopri suġġetti ta’ natura soċjali u, aktar tard, taħriġ vokazzjonali. Il-korsijiet huma bl-Ingliż sabiex dawk li jieħdu sehem ikunu jistgħu jintegraw ruħhom f’kull pajjiż Ewropew, jekk ma jkunx possibli li jerġgħu jintegraw ruħhom f’pajjiżhom.
L-esperjenzi pożittivi tal-proġetti tal-Programm EQUAL jintużaw għall-iżvilupp tal-politika f’dan il-qasam, għaliex l-għanijiet prinċipali tal-Programm huma l-iżvilupp ta’ mezzi ġodda għal politika soċjali u dik dwar l-impjiegi. Dawn imbagħad ikunu jistgħu jiġu addattati u mħaddna fuq livell nazzjonali u f’kuntest Ewropew.
Għal aktar informazzjoni wiehed jista’ jżur il-website: www.esf.gov.mt
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958