PROĠETT GĦAT-TISBIĦ TAL-ĠONNA HOWARD JITLESTA FI ŻMIEN REKORD
Howard Gardens barra s-swar ta’ l-Imdina, qed jiġu msebbħa b’investiment ta’ Lm315,000 li 75% minnhom se jitħallsu mill-Unjoni Ewropea bil-25% l-oħra jinħarġu mill-Gvern Malti.
Il-Ġonna Howard huma mifruxa fuq 18-il tomna, jew madwar 18,000 metru kwadru. Il-passaġġi f’dawn il-ġonna jinfirxu fuq 10,000 metru kwadru – kważi l-istess spazju ta’ toroq u sqaqien li hemm fl-Imdina. F’dawn il-ġonna tqiegħdu madwar erba’ kilometri ta’ katusi għal servizzi li għaddew minn taħt l-art. Il-passaġġi kollha qed jingħataw diversi saffi ta’ tarmak filwaqt li l-wiċċ tagħhom se jkun ta’ materjal sintetiku kkulurit li jagħti dehra omoġenja u joffri kisja protettiva. Dan it-tip ta’ materjal huwa aktar sikur għall-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali. Partijiet oħra tal-passaġġi se jkunu miksija minn crete printing.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar il-proġett fejn qed isiru l-aħħar xogħlijiet qabel ma dan jitlesta fi żmien xahrejn oħra.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett kien qed isir minn fondi li l-Unjoni Ewropea qiegħed għad-diżpożizzjoni ta’ pajjiżna biex ngħollu l-prodott turistiku tagħna. Hu qal li minbarra minn dan il-proġett twettqet ukoll l-ewwel parti tal-proġett tat-tisbiħ tat-triq li mill-Cruise Liner Passenger Terminal twassal sa’ Kastilja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-proġett se jkun tlesta fi żmien rekord. Hu qal li x-xogħol beda fil-bidu ta’ Diċembru u mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ Lulju. Hu qal li darba jitlesta l-proġett il-passaġġi kollha se jkunu nbnew mill-ġdid, tqiegħdet l-infrastruttura għal sistema ġdida ta’ dawl elettriku u irrigazzjoni, tqiegħdu bankijiet u dwal ġodda u qed isir l-landscaping tal-ġnien kollu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fid-disinn u x-xogħol ta’ tisbiħ li qed jitwettaq, ingħatat attenzjoni speċjali biex ikun irkuprat il-promenade tul il-foss u li jħares lejn is-swar ta’ l-Imdina. Dan seta’ jsir billi l-Public Convenience se tiġi rilokata mill-post tagħha preżenti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li skop ieħor għat-tisbiħ ta’ dan il-ġnien hu li jgħaqqad żewġ siti storiċi ta’ importanza nazzjonali: id-Domus Rumana fuq tarf tal-ġnien u l-Imdina fuq it-tarf l-ieħor. Hu qal li d-Domus Rumana kienet restawrata dan l-aħħar biex ingħatat l-importanza li kien jixirqilha filwaqt li fl-Imdina saru diversi proġetti fosthom r-restawr tal-bitħa tal-Palazz Vilhena, it-Torre dello Standardo u Greeks’ Gate, it-tneħħija tal-wires kollha minn mal-ħitan u l-pavimentar mill-ġdid tat-toroq u l-isqaqien kollha ta’ din il-belt storika. Il-Ministru Zammit Dimech qal li hekk issa għandna park ta’ wirt storiku li jifrex mid-Domus Rumana sal-belt imdawwra bis-swar ta’ l-Imdina.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li diversi nħawi ta’ pajjiżna qed jissebbħu, jiġu riabilitati jew restawrati. Hu qal li meta nkunu għaqqadna l-partijiet kollha flimkien inkunu tajna lill-pajjiżna d-dinjita’ kollha li jixraqlu l-wirt storiku tagħna bl-iskop li nħalluh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieħ aħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958