APPOĠĠ LILL-GĦAQDIET TA’ L-ISTUDENTI
Il-Gvern, permezz tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed iżomm wegħda oħra li għamel lill-istudenti, li matul ix-xhur tas-Sajf jgħin organizazzjonijiet ta’ studenti universitarji biex iwettqu proġetti utli u jħallas lill-istudenti li jaħdmu fuq dawn il-proġetti.
Għal dan l-iskop il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed joffri 80 ‘placements’ ta’ 4 ġimgħat kull wieħed b’20 siegħa xogħol fil-ġimgħa biex jitqassmu fost l-għaqdiet ta’ l-istudenti li jippreżentaw proġett validu ta’ xogħol biex jitwettaq matul ix-xhur tas-Sajf.
Għalhekk, dawk l-għaqdiet ta’ studenti universitarji li għandhom proġett validu li jinħtieġ l-applikazzjoni ta’ numru ta’ studenti biex jitwettaq matul il-vaganzi tas-Sajf huma mħeġġa biex jibgħatu prospett ta’ dawn il-proġetti biex ikunu evalwati u kunsidrati.
Mhux kull proġett sottomess se jkun aċċettat awtomatikament u anke dawk il-proġetti aċċettati mhux bilfors li jieħdu n-numru ta’ ‘placements’ li jitolbu. Il-placements ikunu allokati skond il-validita’ u l-kobor tal-proġett u b’mod li l-proġetti kollha validi li jkunu aċċettati jingħataw numru ta’ “placements” li kollha flimkien ma jeċċedux it-80.
Il-proġetti għandhom jintbagħtu sa l-10 ta’ Ġunju liċ-
Chairman
Bord ta’ l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti
Kamra Nru. 6,
Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni
Floriana.
Il-proġetti li jaslu sa dakinhar ikunu evalwati minn Bord b’rappreżentanza ta’ l-Istudenti Universitarji stess u l-għaqdiet li l-proġetti tagħhom ikunu magħżula jkunu nfurmati bin-numru ta’ “placements” allokati lilhom.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958