Kampanja ta’ reklamar għal Malta fuq is-CNN
Mil-lum fuq l-istazzjon CNN bdiet kampanja ta’ pubbliċità dwar Malta. Ir-reklami se jintwerew fl-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika. Fl-aħħar kwart tal-2005 is-CNN kellu udjenza ta’ 99.7 miljun f’dawn it-tliet reġjuni tad-dinja – 98.4 miljun fid-djar u 1.3 miljun fi kmamar ta’ lukandi.
Il-kampanja fuq is-CNN se ddum sejra sitt xhur, b’waqfa ta’ ftit ġimgħat fl-eqqel tas-Sajf meta l-udjenzi jonqsu xi ftit. Il-kampanja ser tiswa madwar miljun Dollaru Amerikan.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha tnediet din il-kampanja ta’ pubbliċità qal li l-kunċett ta’ kampanja sostanzjali, fit-tul u ta’ relevanza huwa importanti ħafna f’dan il-mument fejn pajjiżna qed jiffaċċja kompetizzjoni ħarxa fis-suq turistiku.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien impenjat li mhux biss itejjeb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna iżda wkoll li jżid l-isforzi sabiex Malta bħala destinazzjoni turistika tingħata aktar promozzjoni. Hu qal li dan kien l-iskop tar-ristrutturazzjoni tal-MTA, li ntejjbu l-operat tagħha sabiex nindirizzaw iż-żminijiet dejjem jinbidlu f’din l-industrija, li tant hi dinamika. Hu qal li l-promozzjoni fuq is-CNN setgħet issir biss għaliex permezz tar-ristrutturazzjoni, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta llum qed tonfoq inqas f’amministrazzjoni u iżjed fi promozzjoni. Hu qal li f’termini monetarji, r-ristrutturazzjoni fissret s’issa Lm1.7 miljun aktar fi promozzjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-iskop tal-kampanja fuq stazzjon bħas-CNN, huwa dak li l-preżenza tal-prodott turistiku Malti tkun waħda kostanti, ta’ livell għoli u li tippromwovi l-aħjar offerta possibbli li għandna, jiġifieri l-poplu tagħna. Hu qal li bosta pajjiżi kompetituri diretti tagħna qegħdin jirreklamaw fuq dan l-istazzjon b’mod aggressiv u kontinwu u għalhekk aħna ma stajniex nibqgħu barra minn dan il-mezz qawwi ta’ komunikazzjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kampanja fuq is-CNN għandha t-tema ‘I am Malta!’. Hu qal li b’differenza mir-reklami ta’ pajjiżi kompetituri tagħna fil-qasam turistiku, il-kampanja ta’ Malta tiffoka fuq il-persuni, b’messaġġ qasir iżda qawwi li Malta hija esperjenza u mhux sempliċi destinazzjoni turistika. Hu qal li dan jinkwadra fil-viżjoni tal-proċess tal-‘branding’ għal pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta qed tinvesti f’din il-kampanja pubbliċitarja madwar miljun Dollaru Amerikan, fejn għall-ewwel darba se naraw il-promozzjoni ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika fuq stazzjon televiżiv internazzjonali ta’ l-istatura tas-CNN, b’udjenza vasta u li timmira direttament għat-tip ta’ turist li potenzjalment jista’ jiġi Malta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li meta f’Malta kien hawn l-‘crew’ tas-CNN biex isir il-filming, dawn kienu impressjonati ħafna b’pajjiżna, u bl-offerta turistika tagħna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-għażla ta’ l-istazzjon CNN ma kinetx b’kumbinazzjoni, iżda hi waħda analizzata, konxji ta’ l-udjenza partikolari li rridu nindirizzaw . Hu qal li l-fatt li bosta mill-pajjiżi kompetituri tagħna fl-Ewropa, l-Lvant Nofsani u l-Afrika jirreklamaw fuq is-CNN flimkien mar-riżultati li ħalliet ir-ristrutturazzjoni b’aktar flus f’idejn l-MTA għall-‘marketing’, kienu t-‘triggers’ li wassluna biex nagħmlu din il-kampanja pubbliċitarja li ma kellu ebda dubbju li kienet se tagħti riżultati pożittivi għall-qasam turistiku lokali.Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958