GRUPPI BARRANIN FIL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-GĦANA
Il-Festival Nazzjonali tal-Għana ta’ din is-sena se jittella’ bejn il-Ġimgħa 26 u l-Ħadd, 28 ta’ Mejju fil-Ġonna ta’ l-Argotti, l-Furjana. Il-Festival, organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, daħal fid-disa’ sena tiegħu u hu llum parti importanti mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati kull sena biex ikabbru t-tradizzjonijiet u l-folklor lokali. L-ewwel darba li ġie organizzat dan il-Festival, fl-1998, pparteċipaw fih aktar minn 60 għannej. Fil-Festival ta’ din is-sena se jipparteċipaw numru ta’ għannejja u mużiċisti Maltin u gruppi ta’ għannejja minn Ragusa, Spanja, il-Libja u t-Tunizija.
Il-Festival tal-Għana ta’ din is-sena ser jinqasam fi tliet kategoriji: għana spirtu pront, għana tal-fatt u għana la Bormliża jew l-għana fl-għoli.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-identità ta’ pajjiż tinbena fuq il-kultura, l-istorja u t-tradizzjoni. Hu qal li l-folklor jagħmel parti minn din it-tradizzjoni. “Malta hi pajjiż bi storja millenarja mibnija madwar diversi perijodi ta’ okkupazzjoni minn barranin li matulhom il-Maltin żammew l-identità tagħhom għaliex għarfu jgħaddu minn familja għall-oħra, u minn ġenerazzjoni għall-oħra, dawn it-tradizzjonijiiet,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Festival hu punt ta’ riferiment għal studjużi Maltin biex iħaffru fil-fond l-għeruq tal-poplu Malti u hekk isiru jafu aktar dwar l-antenati tagħna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li matul is-snin li ilu jiġi organizzat dan il-Festival ġew introdotti diversi attivitajiet innovattivi. Hu qal li din is-sena kien ser ikun hemm ‘monitor’ biex fuqu jittellgħu tradizzjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż għall-membri ta’ l-udjenza lokali u barranija. Matul il-Festival se tittella’ wirja ta’ snajja’ minn artiġġjani Maltin bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti tas-Snajja’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ftit tal-jiem ilu pajjiżna ċċelebra t-tieni anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq id-diversità, diversità li fuqha bnejna l-identità li għamlitna nazzjon sovran. Hu qal li bħala pajjiż żgħir din l-identità trid tkompli timbuttana biex inżommu postna fil-familja ta’ 25 Stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea u fid-dinja.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-għana tikkontribwixxi lejn li nżommu l-identità tagħna u għalhekk irridu nagħmlu ħilitna biex mhux biss nikkonservawha iżda nxerrduha fost iż-żgħażagħ tagħna. Hu qal li kien b’dan il-ħsieb li ried jawgura lill-organizzaturi u lill-għannejja kollha kull suċċess fil-Festival tal-Għana ta’ din is-sena.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958