IR-REGOLAMENTI L-ĠODDA DWAR IL-KAĊĊA
B’referenza għall-istqarrija tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent isostni li l-għan tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi huwa li permezz tagħhom issir it-traspożizzjoni tad-Direttiva ta’ l-Għasafar fil-liġi Maltija. Dan ifisser li mhux tieqaf il-kaċċa imma li jiġi żgurat li l-kaċċa u l-insib jiġu pprattikati mingħajr ma jpoġġu f’periklu l-ħarsien ta’ l-għasafar. Huwa meħtieġ li l-kaċċa u l-insib f’Malta jibqgħu jsiru skond il-parametri preskritti mil-liġi u permezz ta’ prattiċi sostenibbli fl-interess taċ-ċittadini kollha.
Ir-Regolamenti ġew imfassla wara konsultazzjoni pubblika li bdiet f’Settembru ta’ l-2005 u wara li ġew ivvalutati s-sottomissjonijiet kollha. L-għan tar-Regolamenti kien li r-regoli eżistenti jiġu kkonsolidati u l-liġi Maltija tiġi konformi mad-Direttiva ta’ l-Għasafar u mal-provvedimenti rilevanti fit-Trattat ta’ Sħubija. Ir-Regolamenti ma jimponu l-ebda regola jekk mhux dawk skond id-Direttiva ta’ l-Għasafar.
Ħafna mill-kritika ta’ l-FKNK tidher li hija diretta lejn regoli li fil-verità ilhom hemm snin u sempliċiment ġew inklużi mill-ġdid fir-regolamenti l-ġodda. M’huwiex ġust li tingħata l-impressjoni li dawn ir-regoli qed jiġi introdotti fil-liġi Maltija issa. Per eżempju:
· Il-fatt li l-kaċċaturi jistgħu iniżżlu d-dgħajjes tagħhom minn slipways speċifiċi kien diġà hemm fir-regolamenti ta’ qabel;
· Il-fatt li ma tistax issir kaċċa jew teħid ta’ l-għasafar sagħtejn qabel ma titla’ x-xemx u l-fatt li ma tistax issir kaċċa fil-Ħdud u l-btajjel pubbliċi kienu hemm qabel ma ġew ippubblikati dawn ir-regolamenti;
· Bl-istess mod, il-ħtieġa li jkollok liċenzja biex tibbalzma jew li tgħamilha ta’ balzmatur, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll personali, kienet fil-liġi qabel ġew ippubblikati dawn ir-regolamenti;
· Il-provvediment li bird-ringer jista’ jieħu l-għasafar biex jimmarkhom jew ilibbishom ċurkett f’kull ħin tal-ġurnata u kull żmien tas-sena, jista’ wkoll juża pre-recorded bird-calls, u li jista’ jieħu l-għasafar għal dawn l-iskopijiet minn santwarju ta’ l-għasafar huma replica tal-provvedimenti li kienu diġà jeżistu qabel ma ħarġu dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, dawn ir-regolamenti ma jħallux il-bird ringers jagħmlu li jridu – għall-kuntrarju tar-regolamenti li kienu fis-seħħ qabel ħarġu dawn ir-regolamenti, il-bird-ringing jista’ jsir biss għal skopijiet speċifiċi u skond kundizzjonijiet definiti;
· Il-fatt li l-liċenzja għandha tindika n-numru ta’ għasafar li wieħed jista’ jikkaċċja u/jew jieħu kull ġimgħa huwa wkoll provvediment li kien jeżisti fil-liġi Maltija qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti.
Filwaqt li huwa veru li r-Regolamenti l-ġodda jipprojbixxu l-użu ta’ xbieki ta’ ‘l fuq minn 45 pied għat-teħid ta’ l-għasafar, dan il-provvediment huwa regola li kienet teżisti diġà fil-liġi preċedenti, imma li kienet għadha ma ġietx iddikjarata fis-seħħ.
Il-provvediment li jawtorizza, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-użu ta’ dgħajsa jew bċejjeċ tal-baħar b’veloċità massima ta’ 18-il kilometru fis-siegħa għall-kaċċa fuq il-baħar kien wieħed mill-provvedimenti ta’ l-abbozz ta’ regolamenti li kienu ħarġu għall-konsultazzjoni pubblika f’Settembru ta’ l-2005. Din it- traspożizzjoni hija meħtieġa skond id-Direttiva ta’ l-Għasafar.
Dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ornis, żewġ membri tal-Kumitat se jiġu nnominati minn organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni bil-liċenzja għall-kaċċa u/jew għat-teħid – bl-istess mod, organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni b’għarfien jew li jaħdmu favur l-avifauna tkun intitolata li tinnomina żewġ membri. Dawn il-membri msemmija għandhom dritt ta’ vot kull wieħed.
Ir-regolamenti jagħmlu referenza speċifika f’Artiklu 2 għall-istaġun miftuħ meta għandha ssir il-kaċċa. Barra minn hekk, ir-regolamenti ġodda jipprovdu l-istrutturi u l-proċeduri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-istaġun miftuħ jiġi stabbilit. Żewġ rappreżentanti ta’ l-organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni bil-liċenzja għall-kaċċa u t-teħid, bħala membri tal-Kumitat Ornis, se jkunu effettivament involuti fil-proċess għat-teħid tad-deċiżjoni biex jiġi stabbilit dan l-istaġun. Għaldaqstant m’huwiex ġust li wieħed jgħid li mhux se jkun hemm staġun miftuħ jew li l-istaġun se jiġi stabbilit b’mod ippreġudikat min-naħa waħda.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bħalissa qed jikkunsidra l-kummenti kollha li waslu dwar ir-regolamenti l-ġodda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958