Kjarifika mid-Dipartiment tas-Sigurta' Socjali dwar l-ezenzjoni fuq is-surcharge
B’riferenza għall-artiklu li deher fil-ħarġa ta’ ‘l-Orizzont’ tas-16 ta’ Mejju, 2006 intitolat “Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed jaqta’ għadd ta’ benefiċċji bl-addoċċ”, u għal rapporti oħra li dehru fil-medja Maltija, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq jiċċara dan li ġej:
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jafferma b’mod sod li s-sistema li qed tintuża sabiex wieħed jieħu eżenzjoni fuq is-surcharge, hija waħda ċara. Kif ġie spjegat drabi oħra b’mod pubbliku, fir-rigward tar-rebate fuq il-meter u l-eżenzjoni mill-ħlas tas-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, trid issir applikazzjoni apposta li tista’ tinkiseb mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment imxerrda ma’ Malta u Għawdex.
Dawk li diġà jgawdu mill-imsemmi rebate m’hemmx għalfejn jagħmlu applikazzjoni oħra għall-eżenzjoni mis-surcharge. Persuna tikkwalifika għal dan ir-rebate u eżenzjoni kemm-il darba tissodisfa ‘test’ tal-mezzi (means test). Il-kriterji ta’ dan it-’test’ huma stabbiliti fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318).
Il-Gvern iddeċida li jestendi din l-eżenzjoni lill-familji li għandhom xi membru tal-familja dipendenti minnha, li tbati minn xi kundizzjoni jew marda. Dawn il-kriterji huma li d-dħul ta’ din il-familja m’għandux ikun aktar minn Lm13,270 fis-sena u li, b’kawża tal-kundizzjoni jew marda, jkun hemm konsum eċċessiv ta’ l-elettriku. Sabiex talba bħal din tintlaqa’ hemm bżonn, naturalment, ta’ dokumentazzjoni medika li tissostanzjaha. Huwa għalhekk li, kif ġie rrappurtat li qalet l-Onor. Marie Louise Coleiro, saru telefonati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lil xi familji li għamlu talba għall-eżenzjoni, fejn din id-dokumentazzjoni kienet nieqsa.
F’uħud mir-rapporti kien hemm ukoll imsemmija l-kwistjoni ta’ frodi ta’ benefiċċji.
L-ewwel nett, importanti li wieħed jifhem illi n-numru ta’ 2,300 li nqatgħu minn fuq il-lista ta’ dawk li kienu jieħdu r-‘rebate’ fuq il-meter tad-dawl u l-ilma, ma nqatgħux fuq bażi ta’ rapporti anonimi, kif wieħed ingħata x’jifhem minn dak li gie rrapurtat li qalet l-Onor. Coliero. Dan sar wara eżerċizzju minn naħa tad-Dipartiment li minnhu rriżulta li dawn il-familji ma kienux aktar jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikomplu jibbenefikaw minn dan ir-’rebate’.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jiċħad li qed jinqatgħu benefiċċji soċjali fuq sempliċi rapport anonimu. Fejn id-Dipartiment jirċievi xi rapport, kemm anonimu u kemm mhux, dwar abbużi, isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa u l-ħlas tal-benefiċċju jitwaqqaf biss fejn jirrizulta mill-provi miġbura minn dan l-istħarriġ, li l-benefiċċju ma kienx dovut, jew li kien qed jittieħed b’abbuż.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958