IFFIRMATI TRATTATI BEJN MALTA U L-ISTATI UNITI
L-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Tonio Borg u l-Ambaxxatriċi għall-Istati Uniti ta’ l-Amerika Molly Bordonaro dal-għodu iffirmaw żewg trattati, wieħed ta’ assistenza legali reċiproka f’materji kriminali u ftehim ta’ estradizzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
F’kelmtejn qabel l-iffirmar uffiċjali l-Aġent Prim Ministru qal li ż-żewġ pajjiżi diġà kellhom trattat ta’ estradizzjoni li madankollu kien iffirmat iktar minn sebgħin sena ilu u kien wasal iż-żmien li dan it-trattat jiġi rivedut, anki in vista ta’ żviluppi fil-kriminalità organizzata. It-trattat iffirmat illum jaħseb għal iktar koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fit-trażżin tal-kriminalità organizzata u terroriżmu.
L-Ambaxxatriċi Bordonaro qalet li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi kienet eċċellenti u dawn iż-żewġ trattati ser issaħħu jdejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Hija temmet billi rringrazzjat lill-esperti tekniċi li ħadmu ħafna biex jiġu finalizzati t-trattati.
Prezenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici, l-Avukat Ġenerali Dr Silvio Camilleri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern Charles Deguara, il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern Joseph Scerri u uffiċjali mill-Ambaxxata Amerikana.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958