Triq fi Spanja tissemma għal Malta
Dan l-aħħar, żdiedet triq oħra mal-lista tat-toroq imsemmija għal Malta, din id-darba fi Spanja. L-Avenida de la República de Malta, f’raħal ċkejken ta’ 18,000 ruħ jismu Tavernes de la Valldigna ftit ‘il bogħod minn Valencia, ġiet inawgurata mill-Ambaxxatur ta’ Malta f’Madrid, Gaetan Naudi, flimkien mas-Sindku tal-post, Eugenio Pérez-Mifsud u s-Sindku tal-Belt Valletta, Paul Borg Olivier.
Is-Sindku tal-Belt Valletta gie mistieden, flimkien ma’ delegazzjoni mdaqsa Maltija, għal din l-attività bħala parti minn programm ta’ tħejjija għall-inawgurazzjoni ta’ wirja dwar l-Imperatur Karlu V ta’ Spanja li se tittella’ f’Malta, b’kollaborazzjoni bejn il-gvern tal-Comunidad Valenciana, permezz tal-Fundazzjoni Jaume II el Just, u bl-assistenza ta’ l-Assoċjazzjoni Amigos de Malta, mal-Ministeru Malti ta’ l-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Xogħol.
Fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni tat-triq, il-Maltin kellhom l-opportunità li jsiru jafu lil bosta ċittadini ta’ Tavernes li għadhom iġibu sal-lum il-kunjom Mifsud, inkluż l-istess Sindku tal-lokal. Kien ċertu Lorenzo Mifsud Borg miż-Żejtun li, lejn l-aħħar żminijiet tas-seklu Tmintax, kien emigra lejn Tavernes, fejn kien baqa’. Fil-Comunidad Valenciana fi Spanja wieħed jiltaqa’ ma’ bosta familji li jġibu kunjomijiet Maltin: il-kappillan ta’ raħal iehor jismu Navarrés, Vicente Sicluna-Hernández, li qrabatu oriġinarjament kienu minn Ħal Għaxaq, ġie beatikat mill-mejjet Papa Ġwanni Pawlu II.
L-Ambaxxatur Malti fi Spanja, flimkien mad-delegazzjoni Maltija li kienet Valencia, ipparteċipaw ukoll fil-quddiesa iddedikata lil Malta, nhar il-Ħadd filgħodu għall-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, il-padrun ta’ Valencia, fil-Bażilika tal-Madonna ta’ l-Abbandunati. L-Ambaxxatur u d-Direttur tal-Fundazzjoni qraw il-lezzjonijiet bl-Ispanjol, filwaqt li l-mara ta’ l-Ambaxxatur poġġiet bukkett fjuri f’isem il-Maltin quddiem l-istatwa tal-Madonna. Ta’ min wieħed jiftakar li qabel ma laħaq l-64 Gran Mastru ta’ l-Ordni fis-sena 1698, Fra Ramón Perellós y Rocaful, li kien minn Valencia, kien bena kappella fil-viċinanzi ta’ San Pawl il-Baħar, iddedikata lill-istess Verġni ta’ l-Abbandunati, li għadha teżisti sal-lum.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958