Imtejjeb is-servizz għall-pazjenti ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Pazjenti li jagħmlu użu mis-swali ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex minn issa ‘l quddiem se jagħmlu użu minn sistema ta’ tqassim ta’ l-ikel li nbidlet kompletament matul dawn l-aħħar ġimgħat. Dan qalitu llum l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt l-inawgurazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ tqassim ta’ l-ikel, magħrufa bħala ‘pre-plating system’, għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono faħħret lill-amministrazzjoni ta’ l-isptar għall-implimentazzjoni ta’ diversi bidliet meħtieġa li saru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li jikludu titjib u modernizzar ta’ faċilitajiet u servizzi offruti.
Is-sistema l-ġdida ta’ tqassim ta’ l-ikel issegwi l-inawgurazzjoni riċenti ta’ sala ġdida għall-każijiet Ġinekoloġiċi u l-immodernizzar tas-sala tal-Maternita’ u tal-Kwartieri tat-Tobba.
Is-sistema l-ġdida tat-tqassim ta’ l-ikel twassal għal mod iktar iġjeniku fil-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ l-ikel, b’riżultat ta’ ikel bi kwalita’ ogħla fit-togħma u fil-preżentazzjoni li jiġi ppreparat mill-kċina ta’ l-istess sptar.
Is-sistema l-ġdida tippermetti lill-ħaddiema tal-kċina biex jippreparaw l-ikel fi platti separati u ndividwali għal kull pazjent, li jitqiegħdu fuq trays apposta li jiġu konservati fi trolleys speċjalizzati li jżommu l-ikel sħun jew kiesaħ skond kif meħtieġ.
It-trays imbagħad jitwasslu għand il-pazjenti ndividwali fis-swali, bl-ikel miżmum skond it-temperatura meħtieġa tal-platti separati. Il-proġett ħaseb ukoll għat-taħriġ tal-ħaddiema fi prattiċi moderni marbuta mal-preparazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-ikel fl-isptar.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-investiment li wettaq il-Ministeru għal Għawdex matul dawn l-aħħar seba’ snin sabiex jitjiebu s-servizzi tas-saħħa u dawk anċillari qegħdin jinħassu ferm issa, wara li l-Ministeru nvesta fit-titjib tas-swali kollha ta’ l-isptar, l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda u t-titjib ta’ servizzi eżistenti, għalkemm dejjem jibqa’ x’wieħed jagħmel.
Il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru tagħha huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-pazjenti kollha li jagħmlu użu mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, anke jekk iż-żmien tagħhom fl-isptar tvarja.
Is-sistema l-ġdida tat-tqassim ta’ l-ikel fl-isptar, imnedija uffiċjalment dalgħodu, se ttejjeb b’mod sostanzjali l-kwalita’ tas-servizz offrut lill-pazjenti li jagħmlu użu mis-swali ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-Ministru Debono fakkret li din is-sistema l-ġdida hija l-unika waħda tat-tip tagħha li hi mifruxa fuq sptar sħiħ tal-Gvern fil-gżejjer Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958