It-tibdil fil-konfini ta’ l-iżvilupp: bilanċ bejn il-ġustizzja soċjali u l-ambjent
Il-Gvern jinnota l-appell tal-Kelliema ta’ l-Oppozizzjoni dwar l-Ambjent u l-Patrimonju Nazzjonali Dr Joe Brincat and Roderick Galdes, biex il-proċess għall-aġġustament tal-konfini ta’ l-iżvilupp isir bl-ikbar kunsiderazzjoni ambjentali u bl-iktar mod serju u trasparenti.
Il-fatt innifsu li l-Gvern fassal kriterji, jindika bl-aktar mod ċar l-intenzjoni tal-Gvern li jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li l-kelliema ta’ l-Oppożizzjoni ma esprimewx dubji fuq dawn il-kriterji, allura jifhem li huma aċċettabbli.
Kuntrarjament għal dak li qalu l-kelliema ta’ l-Oppozizzjoni li “l-Gvern imur kontra l-policies tiegħu stess”, il-Gvern dejjem kien konsistenti fuq ir-reviżjoni tal-konfini. Konferma ta’ dan huwa l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista ta’ l-1998 fejn f’punt 174, hemm dikjarat li r-reviżjoni għandha ssir u li dan “l-eżerċizzju għandu jservi sabiex żoni mdawra sew bl-iżvilupp, partikolarment meta l-art mhix tajba għall-biedja, jkunu kkunsidrati għall-iżvilupp. Hemm żoni ta’ artijiet li tħallew barra mill-Iskemi Temporanji għall-Bini u li jistgħu, b’reviżjoni tal-konfini, jidħlu ma’ l-arja ta’ l-iżvilupp”.
Sa mill-1998 ‘l hawn, kemm il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Tonio Borg kif ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino dejjem stqarrew pubblikament li m’hemmx lok għal tkabbir bla sens tal-konfini, iżda hemm bżonn li jkunu ndirizzati l-anomaliji u l-‘pockets’ ta’ art li tħallew barra miż-żona ta’ l-iżvilupp.
Il-liġi tippermetti lill-Gvern li jagħti direzzjoni fil-proċess ta’ l-ippjanar biex dan ikun iktar ġust u loġiku. Għaldaqstant, il-Kabinett qabel fuq kriterji jew riga konsistenti li tindirizza dawn anomaliji li jeżistu fl-iskemi proviżorji. Il-Gvern deherlu li għandu jagħti kriterji hu, għax l-abbozzi tal-Pjani Lokali kif imfassla mill-MEPA mhux dejjem taw każ tal-ħtieġa tar-reviżjoni tal-konfini b’sistema ta’ razzjonalizzazzjoni.
Il-kriterji ġew ikkomunikati lill-MEPA u wara analiżi tat-talbiet kollha li saru fil-pjani lokali ġie stabbilit mill-Awtorità liema minnhom jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji. Il-konfini proposti ġew ippublikati u bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat. Wara li l-MEPA tieħu deċiżjoni, din tgħaddiha lill-Gvern bħala reviżjoni parzjali tal-Pjan ta’ Struttura, li mbagħad jittella’ quddiem il-Parlament għal deċiżjoni finali. Il-Gvern iħeġġeġ is-sehem sħiħ ta’ l-Oppożizzjoni kemm fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll fil-Parlament.
Il-Gvern għandu d-dmir li jieħu kull kunsiderazzjoni soċjali li tkun ġusta u fl-aħjar interess tal-ġid komuni minkejja l-fatt li deċiżjonijiet bħal dawn qatt ma jkunu faċli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958