Siltiet mid-diskors ta’ l-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-ĠUstizzja u l-Intern, l-Onor. Dr. Tonio Borg, waqt l-iffirmar ta’ devoluzzjoni lill-diversi Kunsilli Lokali
Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qed nippresjedi din iċ-ċerimonja fejn il-Gvern qed jiddevolvi art pubblika biex tiġi amministrata mill-Kunsilli Lokali. Okkażjoni bħal tal-lum tikkonferma dejjem aktar l-impenn tal-Gvern favur il-Kunsilli Lokali billi art pubblika li mhix tintuża mill-Gvern tgħaddi f’idejn il-Gvern Lokali li, m’hemmx dubju, se jagħraf jagħmel l-aqwa użu minnha.
Illum għandna tliet Kunsilli oħra li qed jibbenefikaw minn devoluzzjoni ta’ propjetà pubblika, li huma Ħad Dingli, ix-Xewkija u l-Għarb. Dan ifisser li mill-1999, sittin biċċa art pubblika ġiet devoluta lill-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex. Ma’ dan wieħed irid iżid li mill-bidu ta’ din is-sena, il-Kunsilli ġew fdati wkoll bl-amministrazzjoni ta’ 49 librerija lokali u 7 librerija reġjonali.
Id-devoluzzjoni ta’ art pubblika hija żvilupp pożittiv ħafna fil-mod kif wieħed jamministra l-propjetà, u huwa qasam li fih il-Kunsilli Lokali qed jagħtu kontribut tanġibbli li minnu qed jibbenefikaw iċ-ċittadini li huma jirrapprezentaw. Uħud mill-postijiet li xi darba kienu dilapidati u mitluqa, illum saru ċentri rikrejattivi, soċjali u kulturali mimlijin attività li taw ħajja ġdida lil-lokalitajiet rispettivi. Proprjetajiet oħra li ġew devoluti nbidlu f’ċentri amministrattivi minn fejn il-Kunsilli setgħu joperaw bil-vantaġġi li joffru positijiet aktar ċentrali u mgħammra b’dak kollu li awtorità lokali tista’ tiġi bżonn.
Il-kontribut li l-Kunsilli qed jagħtu permezz ta’ proprjeta li qed tiġi devoluta lilhom imur lil hinn mil-lokalità partikolari. Hekk naraw, per eżempju, il-pjanijiet li għandu l-Kunsill ta’ Ħad Dingli sabiex jittrasforma żewgt ikmamar militari viċin l-irdum, f’Ċentru ta’ Informazzjoni għat-turisti u ħanut tas-souvenirs. Hekk ukoll il-pjanijiet tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija li qed jibdel art mitluqa viċin il-Knisja, fi ġnien pubbliku bis-sehem tat-tfal ta’ l-iskola tal-lokalità.
Hemm ukoll il-pjan ta’ xogħol li ħejja l-Kunsill Lokali ta’ l-Għarb li se jibdel biċċa art fi playing field li ser isservi ta’ żona ta’ rikreazzjoni għal kull min irid iqatta’ ftit ħin ta’ mistrieħ.
Dan kollu juri biċ-ċar l-importanza ta’ okkażjonijiet bħal tal-lum. M’aħniex biss qed nittrasferixxu l-amministrazzjoni ta’ art minn awtorità għal oħra, imma qed nagħtu lill-Kunsilli Lokali għodda biex iwettqu proġetti turistiċi, ambjentali u soċjali li kull Malti, direttament jew indirettament, ser igawdi minnhom.
Min-naħa tal-Gvern Ċentrali, l-impenn biex isaħħah l-istrutturi tal-Gvern Lokali huwa kontinwu. Is-sena li għaddiet, wara perjodu ta’ konsultazzjoni intensiva, emendajna l-Att dwar il-Kunsilli Lokali li biddlet il-mod kif jinħatru s-sindku u l-viċi sindku, kif issir proposta għal vot ta’ sfiduċja fis-sindku u l-viċi sindku, u kif anqas minn nofs il-Kunsilliera jkunu jistgħu jsejħu laqgħa tal-Kunsill. Daħħalna wkoll obbligu legali li l-Kunsilliera josservaw il-Kodiċi ta’ Etika stabbilit mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Saħħaħna wkoll id-drittijiet tas-Segretarji Eżekuttivi billi tajnihom id-dritt ta’ assikurazzjoni tas-saħħa, l-obbligu li l-Kunsill jiddiskuti dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħhom tliet xhur qabel dan jiskadi, u d-dritt li s-segretarji jingħataw il-qualification allowance.
Wettaqna wkoll bidliet fis-sistema ta’ l-infurzar lokali, emendi intenzjonati biex nagħmlu sistema aktar serja u effiċjenti. Permezz ta’ l-emendi fl-Att dwar il-Kummissarji tal-Ġustizzja, il-pubbliku jista’ jibgħat sottomissjoni bil-miktub dwar il-fatti tal-kaz ikkonfermati bil-ġurament, minflok jitla’ t-tribunal. Żidna wkoll il-perjodu ta’ l-appell mid-deċizjoni tat-tribunal, kif ukoll introduċejna bord tal-petizzjonijiet bil-poter li jwaqqa’ avviżi ta’ kontravvenzjoni li jkollhom żbalji flagranti. S’issa il-Bord tal-Petizzjonijiet irċieva iktar minn 1,000 petizzjoni kważi 700 minnhom ġew deċiżi, b’nofshom jiġu milqugħa.
Bi pjaċir ninnota wkoll l-għadd ta’ Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu minn programmi u fondi offruti mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp reġjonali. F’dan il-qasam ukoll il-Gvern qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu permezz tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li qed jikkoordina t-talbiet tal-Kunsilli kif ukoll jiffaċilità l-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet.
Nagħlaq billi nifraħ li t-tliet Kunsilli rappreżentati llum u ninsab perswaz li bħal m’għamlu Kunsilli oħra, huma wkoll se jagħmlu l-aħjar użu mill-propjetà li ġiet devoluta lilhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958