Left arrow Go Back

Siltiet mid-diskors ta’ l-Aġent Prim Ministru u  Ministru tal-ĠUstizzja u l-Intern, l-Onor. Dr. Tonio Borg,  waqt l-iffirmar ta’ devoluzzjoni lill-diversi Kunsilli Lokali

pr0728
Date Icon 17/05/2006

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qed nippresjedi din iċ-ċerimonja fejn il-Gvern qed jiddevolvi art pubblika biex tiġi amministrata mill-Kunsilli Lokali.  Okkażjoni bħal tal-lum tikkonferma dejjem aktar l-impenn tal-Gvern favur il-Kunsilli Lokali billi art pubblika li mhix tintuża mill-Gvern tgħaddi f’idejn il-Gvern Lokali li, m’hemmx dubju, se jagħraf jagħmel l-aqwa użu minnha. 

Illum għandna tliet Kunsilli oħra li qed jibbenefikaw minn devoluzzjoni ta’ propjetà pubblika, li huma Ħad Dingli, ix-Xewkija u l-Għarb.  Dan ifisser li mill-1999, sittin biċċa art pubblika ġiet devoluta lill-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex.  Ma’ dan wieħed irid iżid li mill-bidu ta’ din is-sena, il-Kunsilli ġew fdati wkoll bl-amministrazzjoni ta’ 49 librerija lokali u 7 librerija reġjonali. 

Id-devoluzzjoni ta’ art pubblika hija żvilupp pożittiv ħafna fil-mod kif wieħed jamministra l-propjetà, u huwa qasam li fih il-Kunsilli Lokali qed jagħtu kontribut tanġibbli li minnu qed jibbenefikaw iċ-ċittadini li huma jirrapprezentaw.  Uħud mill-postijiet li xi darba kienu dilapidati u mitluqa, illum saru ċentri rikrejattivi, soċjali u kulturali mimlijin attività li taw ħajja ġdida lil-lokalitajiet rispettivi.  Proprjetajiet oħra li ġew devoluti nbidlu f’ċentri amministrattivi minn fejn il-Kunsilli setgħu joperaw bil-vantaġġi li joffru positijiet aktar ċentrali u mgħammra b’dak kollu li awtorità lokali tista’ tiġi bżonn. 

Il-kontribut li l-Kunsilli qed jagħtu permezz ta’ proprjeta li qed tiġi devoluta lilhom imur lil hinn mil-lokalità partikolari.  Hekk naraw, per eżempju, il-pjanijiet li għandu l-Kunsill ta’ Ħad Dingli sabiex jittrasforma żewgt ikmamar militari viċin l-irdum, f’Ċentru ta’ Informazzjoni għat-turisti u ħanut tas-souvenirs.   Hekk ukoll il-pjanijiet tal-Kunsill Lokali tax-Xewkija li qed jibdel art mitluqa viċin il-Knisja, fi ġnien pubbliku bis-sehem tat-tfal ta’ l-iskola tal-lokalità.   

Hemm ukoll il-pjan ta’ xogħol li ħejja l-Kunsill Lokali ta’ l-Għarb li se jibdel biċċa art fi playing field li ser isservi ta’ żona ta’ rikreazzjoni għal kull min irid iqatta’ ftit ħin ta’ mistrieħ. 

Dan kollu juri biċ-ċar l-importanza ta’ okkażjonijiet bħal tal-lum.  M’aħniex biss qed nittrasferixxu l-amministrazzjoni ta’ art minn awtorità għal oħra, imma qed nagħtu lill-Kunsilli Lokali għodda biex iwettqu proġetti turistiċi, ambjentali u soċjali li kull Malti, direttament jew indirettament, ser igawdi minnhom. 

Min-naħa tal-Gvern Ċentrali, l-impenn biex isaħħah l-istrutturi tal-Gvern Lokali huwa kontinwu.  Is-sena li għaddiet, wara perjodu ta’ konsultazzjoni intensiva, emendajna l-Att dwar il-Kunsilli Lokali li biddlet il-mod kif jinħatru s-sindku u l-viċi sindku, kif issir proposta għal vot ta’ sfiduċja fis-sindku u l-viċi sindku, u kif anqas minn nofs il-Kunsilliera jkunu jistgħu jsejħu laqgħa tal-Kunsill.  Daħħalna wkoll obbligu legali li l-Kunsilliera josservaw il-Kodiċi ta’ Etika stabbilit mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. 

Saħħaħna wkoll id-drittijiet tas-Segretarji Eżekuttivi billi tajnihom id-dritt ta’ assikurazzjoni tas-saħħa, l-obbligu li l-Kunsill jiddiskuti dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħhom tliet xhur qabel dan jiskadi, u d-dritt li s-segretarji jingħataw il-qualification allowance. 

Wettaqna wkoll bidliet fis-sistema ta’ l-infurzar lokali, emendi intenzjonati biex nagħmlu sistema aktar serja u effiċjenti.  Permezz ta’ l-emendi fl-Att dwar il-Kummissarji tal-Ġustizzja, il-pubbliku jista’ jibgħat sottomissjoni bil-miktub dwar il-fatti tal-kaz ikkonfermati bil-ġurament, minflok jitla’ t-tribunal.  Żidna wkoll il-perjodu ta’ l-appell mid-deċizjoni tat-tribunal, kif ukoll introduċejna bord tal-petizzjonijiet bil-poter li jwaqqa’ avviżi ta’ kontravvenzjoni li jkollhom żbalji flagranti. S’issa il-Bord tal-Petizzjonijiet irċieva iktar minn 1,000 petizzjoni kważi 700 minnhom ġew deċiżi, b’nofshom jiġu milqugħa. 

Bi pjaċir ninnota wkoll l-għadd ta’ Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu minn programmi u fondi offruti mill-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp reġjonali.  F’dan il-qasam ukoll il-Gvern qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu permezz tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali li qed jikkoordina t-talbiet tal-Kunsilli kif ukoll jiffaċilità l-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet. 

Nagħlaq billi nifraħ li t-tliet Kunsilli rappreżentati llum u ninsab perswaz li bħal m’għamlu Kunsilli oħra, huma wkoll se jagħmlu l-aħjar użu mill-propjetà li ġiet devoluta lilhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow