Bastiment tas-Sajd jgħaddi f’idejn il-Heritage Malta
Is-Segretarju Parlamentari responsabli għall-Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, dalgħodu attenda għall-iffirmar ta’ ftehim li permezz tieghu l-aħwa Cutajar għaddew il-bastiment tas-sajd tagħhom lil Heritage Malta. Dan kien possibli permezz ta’ miżura finanzjarja li tingħata mill-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti.
Dr Agius spjega kif l-għan ta’ din il-miżura huwa sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ bastimenti tas-sajd kategorija A u B, preżenti u l-liċenzjati fir-reġistru tas-sajd Malti. Din l-azzjoni ġiet applikata għall-bastimenti li għandhom għaxar snin jew aktar. Dan il-proġett seta’ jiġi milqugħ permezz ta’ twaqqif ta’ bastimenti mill-attivitajiet tas-sajd fuq bażi permanenti, tkissir tal-bastimenti jew tneħħija tal-bastimenti mir-reġistru tas-sajd sabiex ikun jista’ jintuża għal attivitajiet oħra minbarra s-sajd.
Dr Agius kompla jispjega kif l-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea ġiet imwettqa skond ir-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 2792/1999 li kienet emendata bit-2369/2002 li titratta fuq l-għajnuna strutturali mill-Komunita’ fis-sezzjoni tal-ħut.
B’kollox kien hemm għaxar applikanti li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna. Tlieta biss min dawn l-applikanti kienu eliġibbli u li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw min 511,760 Euros li hija ekwivalenti għal Lm 219,699. Din l-għajnuna hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti.
Il-fondi ser ikunu ġejjin 75% mill-Unjoni Ewropea permezz tal-fond ta’ l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd u 25% mill-Gvern Malti.
Waħda mill-applikazzjonijiet eliġibbli kienet ta’ l-aħwa Cutajar, li issa ser jibbenefikaw min għotja ta’ Lm80,717. Hekk kif il-liċenzja tas-sajd tagħhom tiġi kkanċellata, il-bastiment jiġi mneħħi mir-Reġistru tas-Sajd Malti u minn dak Ewropew.
Dr Agius spjega ftit ghaliex dan il-bastiment għadda f’idejn Heritage Malta u x’inhi l-importanza tiegħu. Hu qal li l-bastiment li llum għandu l-isem Temptation inbena fl-1943 fl-Ingilterra. F’dan iż-żmien, il-bastiment kien jintuża fil-gwerra bħala mine sweeper u kien armat b’zewg makni Perkins ta’ 110 horse power il-waħda.
Fl-1967 ċertu Mr Newman xtara l-bastiment mingħand is-servizz Ingliż sabiex seta’ jirranġah. Mr Newman biddel l-użu ta’ dan il-bastiment u beda’ jużah bħala yacht għar-rekreazzjoni u bidillu l-interni sabiex jaqdi dawn il-funzjonijiet ta’ rekreazzjoni. Meta l-aħwa Cutajar xtrawh, reġgħu għamlu xi alterazzjonijiet biex dan il-bastiment ikun jista’ jintuża għas-sajd.
Fl-1978 l-aħwa Cutajar miz-Żurrieq kellhom luzzu żgħir ta’ 36 pied. Fl-istess sena l-aħwa Cutajar ġiethom ix-xewqa sabiex ikabbru dan il-luzzu.
L-aħwa Cutajar iltaqghu ma’ bastiment għal bejgħ bl-isem Temptation sorġut fl-Imsida u li kien reġistrat f’New Heaven l-Ingilterra. Dan kien yacht li kien jintuża għad-divertiment. Dan il-yacht mal-ewwel laqghat għajnejn l-aħwa, fejn wara ftit taż-żmien huma xtrawh mingħand Mr Newman. Il-bastiment ġie rreġistrat fir-Reġistru tas-Sajd Malti u ma’ l-Awtorita Portwali sabiex ikun jista’ jintuża bħala bastiment tas-sajd.
Minkejja xi diffikultajiet li nqalgħu matul iż-żmien, l-aħwa Cutajar irnexxilhom jegħlbu kull ostaklu u komplew jistadu għal-lampuki, ħut tal-qiegħ, tonn u pixxispad sal-ġurnata tal-lum fejn dejjem kienu waħda mill-familji prominenti fis-sajd.
Dr Agius fakkar li fit-3 ta’ Marzu 2006 ingħatat l-approvazzjoni tal-permess mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għat-twaqqif ta’ hard standing facilities f’Marsaxlokk. Permezz ta’ din il-faċilita’, is-sajjieda se jkunu jistgħu jiġbdu d-dgħajjes fuq l-art biex fuqhom ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieg b’mod ħafna aktar ordinat milli jsir sa’ llum.
Dan il-proġett ser jiswa €2 miljuni u se jsir b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea (75%) u minn fondi tal-Gvern Malti (25%). Ix-xogħol fuq dan l-izvilupp mistenni jibda’ galadarba jkun aġġudikat il-kuntratt u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma mistennija jitlestew sa’ l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Ix-xiri tal-hoists li jiffurmaw parti mportanti minn dan il-proġett ukoll jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jkun finaliżżat matul dan ix-xahar. Dawn il-hoists mistennija jkunu installati u jibdew joperaw sa’ tmiem din is-sena. Dan il-proġett huwa t-twettiq ta’ wegħda oħra lis-settur tas-sajd. Ta’ min ifakkar f’inizjattivi oħra li minnhom ibbenefikaw is-sajjieda Maltin u Għawdxin fosthom il-ftuħ ta’ Ċentru għall-ħasil ta’ kaxxi tal-ħut li jitmexxa mis-sajjieda nfushom.
Dr Agius qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir meta jara sajjieda Maltin li qed jibbenefikaw direttament minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Importanti li kulħadd japplika biex jibbenefika minn dawn il-fondi għax inkella dawn jintilfu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958