Diskors mill-Onor. Censu Galea, Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni fil-konferenza organizzata mill-GRTU bit-tema: “Benefits of Standardization to SMEs” – Naxxar – 17 ta’ Mejju 2006
Bħala Ministru responsabbli mill-kompetittivita’, wieħed mill-għanijiet importanti hu li nassigura li mhux biss ikun hemm kompetizzjoni ġusta fil-qasam ta’ l-industrija u l-kummerċ f’Malta, iżda ukoll li l-operaturi Maltin jinnegozjaw b’mod ġust u kompetittiv ma’ l-operaturi Ewropej. Kważi l-entitajiet kummerċjali kollha f’Malta jidħlu taħt il-kappa ta’ l-SMEs (intrapriżi żgħar u medji), bil-maġġoranza ta’ dawn l-intrapriżi ż-żgħar li jħaddmu inqas minn għaxra minn nies. Għaldaqstant, fi ħdan il-Ministeru tingħata ħidma u attenzjoni partikolari biex il-kompetittivita’ ta’ dawn in-negozji ż-żgħar tkun b’saħħitha.
Peress li l-istandards huma fattur ewlieni biex wieħed iżomm il-kompetizzjoni ġusta, huwa l-pjaċir tiegħi li jien qiegħed hawn illum biex nagħti s-sehem tiegħi f’din il-konferenza.
L-istandards huma kruċjali fl-industrija u l-kummerċ, kemm mil-lat ta’ saħħa u sigurta’, kif ukoll għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, u fl-aħħar mill-aħħar għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Bil-għan li wieħed iżomm l-istandards fl-intrapriża tiegħu, nistgħu naraw li qed jkun hemm iktar użu effiċjenti tar-riżorsi limitati, u fl-istess waqt qed issir ħidma biex il-komunikazzjoni tkun iktar effettiva.
Minkejja dan kollu, biex tispjega dan lin-negozjanti ta’ dawn l-SMEs m’hijiex daqshekk faċli. Dawn l-intrapriżi ż-żgħar u medji jiffaċċjaw ċertu problemi minħabba ċ-ċokon tagħhom, in-nuqqas ta’ riżorsi, u n-nuqqas ta’ gharfien dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-kisba ta’ l-istandards. Ħafna drabi l-SMEs jaraw dawn l-istandards bħala xi ħaġa żejda li qed tiġi mposta fuqhom mill-klijenti jew mill-awtorita’ regolatorja. Għal oħrajn, hu diffiċli biex jifhmu l-istandards, l-iktar meta jarawhom bħala spejjeż żejda.
Il-Gvern iqis l-istandards bħala għodda moderna ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas il-piż li joħolqu ċertu regolamenti, u li fl-istess waqt huma neċessarji. L-istandards huma żviluppati b’mod trasparenti u bi ftehim bejn l-industrija u l-partijiet kollha konċernati. Minflok regolamenti imposti mill-Gvern, l-intrapriżi jistgħu jimxu fuq standards li jiffukkaw fuq is-saħħa, is-sigurta’, il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-ambjent. Eżempju ta’ dan hu rigward il-prodotti li jrid ikollhom iċ-Ċertifikazzjoni Ewropea magħrufa bħala CE. F’dan il-każ issir referenza għal standards li jagħtu gwida għall-qafas legali.
Jiena ninsab ċert li l-kelliema li se jipparteċipaw f’din il-konferenza se jelaboraw iktar fuq dan is-suġġett kif ukoll fuq il-mod kif l-SMEs jistgħu jagħmlu l-aħjar użu ta’ l-istandards biex ikunu iktar kompetittivi. Il-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni dejjem ta s-support tieghu lill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards fir-rwol tagħha għall-promozzjoni ta’ l-użu ta’ l-istandards fl-industrija biex jikkontribwixxu għas-suċċess ta’ Malta bħala Stat Membru ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jiena nfurmat ukoll li l-Awtorita’ Maltija għall-Istandards applikat għal fondi tal-Kummissjoni biex jittraduċu standards għal-lingwa Maltija. B’hekk ikun iktar faċli biex dawn jiġu adottati mill-intrapriżi ż-żgħar. Fl-istess waqt l-MSA qed tipprovdi ukoll Quality Management System jew ISO 9001 certification bi prezz raġjonevoli li jistgħu jħallsu l-SMEs.
Ta’ min ifaħħar ukoll lill-GRTU talli ġabet ukoll kelliema barranija li hi esperta f’dan il-qasam u li tirrapreżenta l-SMEs Ewropej. Ninsab ċert li se nibbenifikaw mill-esperjenza vasta tagħha f’dan il-qasam. Waqt li kemm l-industrija u l-Gvern għandhom rwol importanti fl-istandardization, din il-konferenza hija sinjal tajjeb ta’ ko-operazzjoni u kollaborazzjoni biex intejbu l-kompetittivita’ għall-benefiċċju tas-soċjeta’ u ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958