Il-Gvern jisma’ l-proposti tal-GRTU dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma
F’Laqgħa msejha apposta mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-SelfEmployed ma’ rappreżentanti tal-GRTU, il-Gvern permezz tas-Segretarjat sema’ fid-dettal il-proposti tal-GRTU dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li jitħallsu minn negozji żgħar u mis-self employed.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li hija realta’ li żidiet fil-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma huma piż inevitabbli li n-negozji qed ikollhom jerfgħu. Iżda dan il-piż qiegħed jintrefa’ minn kulħadd bl-istess mod, kemm minn konsumaturi kif ukoll min-negozji, filwaqt li parti mill-istess spiża totali qegħda tiġi merfugħa direttament mill-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari flimkien mal-GRTU qablu li jaħdmu flimkien fuq żewġ inizjattivi fil-proposti tal-GRTU li gew milqugha minnufih. Bħala riżultat ta’ dan, fil-jiem li ġejjin, is-Segretarjat ser joħroġ sejħa għall-interess minn inġiniera li lesti li jaħdmu flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-SelfEmployed, sabiex jipprovdu konsulenza lin-negozji zgħar dwar kif dawn jistgħu jtaffu n-nefqa tagħhom fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma, fl-operat tagħhom ta’ kuljum.
Għaldaqstant, is-Segretarjat ser ikun qiegħed jipprovdi dan it-tip ta’ servizz lin-negozji zgħar u lis-self employed wara li jkunu mgħarufa l-inġiniera li jixtiequ jaħdmu mas-Segretarjat Parlamentari fuq din l-inizjattiva.
It-tieni proposta li għamlet il-GRTU u li ġiet milqugħa mis-Segretarjat, u li fil-ġimgħat li ġejjin ser jaħdmu fuqha flimkien hija kampanja edukattiva f’zoni ndustrijali u ċentri kummerċjali fl-ibliet u l-irħula Maltin sabiex in-negozji żgħar u s-self employed ikunu dejjem konxji ta’ alternattivi ta’ energy-saving.
L-Onor. Edwin Vassallo saħaq li l-piżijiet tal-prezz tad-dawl u l-ilma ilhom fuq l-aġenda ta’ dan il-Gvern għal dawn l-aħħar xhur, u hija l-aktar deċiżjoni diffiċli li l-Gvern qiegħed ikollu jieħu. “Il-Gvern qiegħed jieħu deċiżjoni bil-għaqal u fl-interess nazzjonali sabiex jitħarsu l-interessi tal-pajjiż kollu, l-interessi tal-konsumaturi - sabiex id-domanda għall-konsum tibqa’ żżomm il-livelli mixtieqa, l-interessi tan-negozji żgħar sabiex dawn jibqgħu ikabbru l-attivita kummerċjali tagħhom, u l-interessi tal-kumpaniji l-kbar sabiex dawn jibqgħu iservu ta’ kuraġġ għal negozji oħra iżgħar minnhom u jsostnuhom b’mod indirett.
“Il-Gvern diġa qiegħed jerfa’ piż kbir fuq spallejh. Is-surcharge suppost li hija ħafna aktar għola milli hi llum u l-Gvern qiegħed itaffi sa fejn jista’.”
L-Onor. Vassallo qal li “iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u ta’ l-ilma hija l-isfida tal-mument li pajjiżna qiegħed jiffaċċja flimkien ma’ pajjiżi oħra ikbar minna, li ma humiex produtturi taż-żejt. Il-Gvern irid jibqa’ viċin tas-self employed u tan-negozji żgħar, u sejjer jassigura li tiġi offruta lilhom l-assistenza kollha meħtieġa sabiex din l-isfida tingħeleb.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958