SKEJJEL TAS-SAJF
Il-miżati mitluba għal programmi edukattivi fis-sajf li ġej huma eżenti mit-Taxxa tal-Valur Miżjud (VAT) kif imfisser f'din l-istqarrija konġunta tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u tal-Ministeru tal-Finanzi.
Il-miżati għal programmi edukattivi fil-vaganzi tas-sajf 2006, għal tfal/studenti bejn l-etajiet ta' tlieta u sittax -il sena, offruti minn entijiet, li mhumiex diġa` liċenzjati bħala skola skond l-Att dwar l-Edukazzjoni, huma eżenti mill-VAT mingħajr kreditu kemm-il darba jiksbu ċertifikat ta' reġistrazzjoni mill-Ministeru permezz tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Biex programm jiġi reġistrat, irid ikun programm tul il-vaganzi tas-sajf, għal żvilupp edukattiv li jipprovdi tagħlim skond il-Kurrikulu Nazzjonali u li jkun jinkludi attivitajiet kreattivi għal tfal/studenti ta' l-etajiet indikati.
Dawk li jmexxu l-programm għandhom ikunu jew għalliema kwalifikati jew assistenti ċertifikati tal-kindergarten, jew persuni bi grad universitarju, jew studenti ta' l-Universita` fil-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni jew ta' l-MCAST fl-Istitut għal Servizzi fil-Komunita` jew 'facilitators'.
Kull min japplika għal reġistrazzjoni kif imsemmi aktar `l fuq, irid jassigura wkoll li l-bini ikun adattat kif jitolbu kriterji stabbiliti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u jiddikjara li qed jidħol responsabbli għas-saħħa u s-sigurta` tat-tfal/studenti li jattendu għall-programm, sew meta l-attivitajiet isiru fil-post indikat fir-reġistrazzjoni kif ukoll meta jsiru barra minnu.
Kull persuna li toffri programm edukattiv bħal dawk imsemmija f'din l-istqarrija għandha tinforma lill-ġenituri/kuraturi ta' tfal/studenti b'kull miżata jew ħlas ieħor involut qabel tilqa` applikazzjonijiet.
Iċ-ċertifikat li jingħata mill-Ministeru/Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara l-aċċettazzjoni jkun jgħodd biss għas-sajf 2006.
Formoli għar-registrazzjoni jistgħu jinġabru mill-uffiċċju tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol u d-data ta' l-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-15 ta' Ġunju, 2006.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958