Sports Day Għall-Anzjani 2006
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, illum qassmet premjijiet lir-rebbieħa waqt Sports Day organizzata għall-anzjani li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li hawn imxerda madwar Malta.
Din l-iSports Day ilha ssir għal dawn l-aħħar ħdax-il sena u qiegħda tkun organizzata miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tad-Dipartiment ta’ l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. F’Malta hawn ħmistax-il Ċentru ta’ Matul il-Jum, li fihom jattendu 1,300-il anzjan.
Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum bdew fl-1995 meta nfetħu dawk tal-Ħamrun u z-Żejtun u l-aħħar wieħed li nfetaħ sena ilu fin-Naxxar. Tul dawn l-aħħar ħdax-il sena, dawn iċ-ċentri evolvew minn ċentri socjali, fejn l-anzjani kienu jiltaqgħu biex jissoċjalizzaw u jgħaddu l-ħin flimkien, għal ċentri fejn l-anzjani jiġu mogħtija fost l-oħrajn anke servizzi ta’ podologija, occupational therapy u fizjoterapija. Jiġu organizzati wkoll attivitajiet edukattivi, rekreattivi u spiritwali fuq bażi regolari skond iż-żmien tas-sena u t-tradizzjonijiet Maltin.
F’dawn iċ-ċentri l-anzjani jiġu mħeġġa li jaqsmu l-ħiliet tagħhom ma’ anzjani oħra. F’diversi ċentri jsir xogħol ta’ ganutel, crochet, parċmina, knitting, xogħol bil-kartun u xogħol ta’ l-idejn ieħor. Attivitajiet oħra organizzati permezz ta’ l-anzjani stess huma t-tagħlim tal-lingwi, kitarra u anke żfin.
F’din l-iSports Day, li ttellgħet fil-Corradino Sports Pavillion, attendew 600-il anzjan, li minnhom 268 ħadu sehem f’diversi logħob li ġew organizzati. Attendew ukoll il-fuq minn 400 student minn diversi skejjel, b’etajiet varji biex jappogjaw lill-anzjani tal-belt jew raħal tagħhom.L-għan wara dan kien li nkomplu ninkoraggixxu r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet differenti, biex b’hekk inressquhom aktar qrib xulxin.
F’kelmtejn li għamlet, l-Onor. D’Amato ferħet lil kull min ipparteċipa u lil kull min għen biex tittella’ din l-attivita’. Hija qalet li “l-għan ta’ din l-attivita’ hu li l-anzjani jżommu ruħhom attivi, iħossu li huma kapaċi u li għad għandhom posthom fis-Socjeta’, f’oqsma differenti anke fejn jirrigwarda l-isports.” Hija faħħret ukoll lil dawk l-anzjani li jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom b’mod volontarju fid-diversi għaqdiet sportivi li għandna f’pajjiżna.
Is-Sinjura D’Amato fakkret lill-anzjani preżenti dwar l-importanza ta’ l-attivita’ fiżika u saħqet li dan għandu jkun proċess kontinwu u mhux ristrett għal xi ġuranta partikolari. L-eżerċizzju, huwa ta’ benefiċċju għal kullħadd. Hija qalet li “l-ezercizzju regolari jgħin sabiex inbiegħdu l-mard, il-piż żejjed u l-konsegwenzi kollha li dawn iġibu magħhom. Fil-każ tal-anzjani, nistgħu ngħidu, li hemm vantaġġ ieħor – l-eżerċizzju jgħin sabiex l-anzjani jżommu l-mobilita’ tagħhom u għalhekk minbarra li jkunu ndipendenti jkollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”
Hija ħeġġet lill-anzjani sabiex isegwu l-parir tal-esperti li jżuruhom u jkellmuhom minn żmien għal żmien fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u fuq kollox biex jimpenjaw ruħhom fi programmi ta’ eżercizzju adattati għall-bżonnijiet individwali tagħhom.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958