Diskors mill-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, fit-tnedija ta’ L-Ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għas-Saħħa u Kura fit-Tul – Proċess ta’ Konsultazzjoni – San Giljan – 16 Mejju 2006
Mistednin distinti, għeżież sinjuri,
Huwa verament ta’ pjaċir għalija li nkun hawnhekk magħkom fl-għeluq ta’ din il-konferenza konsultattiva dwar il-pjan nazzjonali għas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Smajt b’interess kbir id-diversi kontribuzzjonijiet mir-rapporteurs u b’hekk stajt nieħu ħjiel tajjeb tal-proposti validi li ħarġu minn din il-ġurnata intensiva ta’ djalogu. Għaldaqstant, inħoss li huwa xieraq li nibda billi nirringrazzja minn qalbi lilkom ilkoll tal-parteċipazzjoni attiva tagħkom f’din il-konferenza tassew importanti għall-ġejjieni ta’ dawn iż-żewġ setturi kruċjali għal pajjiżna, u rrid ukoll nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fil-Focus Groups.
Jidher ċar li bil-maturità li kisbet is-soċjetà ċivili Maltija, dan it-tip ta’ proċess ta’ djalogu għandu jsir wieħed mill-istrumenti ewlenin li bihom titħaddem il-politika f’ pajjiżna.
Jiena kont preżenti meta f’laqgħa interministerjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ġiet diskussa l-estensjoni ta’ l-hekk imsejjaħ ‘Open Method of Coordination’ lis-setturi tas-saħħa u l-kura fit-tul. Fil-qasam soċjali, dan il-metodu beda jintuża b’ riżultati sodisfaċenti għall-Istati Memberi ta’ l-Unjoni Ewropea. Issa nħass il-bżonn li l-oqsma tas-saħħa u tal-kura fit-tul jibbenifikaw mill-istess metodu. Dan mhux sempliċiment għaliex il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea kollha qegħdin jiffaċċjaw l-istess sfidi f’dawn l-oqsma iżda wkoll għax inħasset il-ħtiega li s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi jibdew jinħmew b’mod koordinat fuq livell Ewropew.
L-isfida prinċipali li s-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul tal-pajjiżi Ewropej għandhom quddiemhom, hija bla dubju kkawżata miż-żieda mgħaġġla fin-numru ta’ anzjani. Dan il-fenomenu demografiku qiegħed ipoġġi sfidi kbar mhux biss fuq il-finanzi tal-pajjiż iżda wkoll fuq ir-riżorsi umani li jħaddmuha. Miċ-ċensiment lokali li għadu kif intemm, jirriżulta li 13.7% mill-popolazzjoni Maltija għandha ‘l fuq minn 65 sena, żieda ta’ aktar minn 2% fuq il-perċentwali ta’ għaxar snin ilu. Sa nofs is-seklu preżenti, il-popolazzjoni anzjana Maltija hija mistennija li taqbeż l-għatba ta’ l-20%.
Dan l-andament demografiku m’għandux biss ifakkarna fil-bżonn li nżidu l-offerta ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul biex nilqgħu għaż-żieda fid-domanda, iżda għandu wkoll jiftħilna għajnejna għall-ħtieġa li s-servizzi jiġu mfassla skond l-esiġenzi ta’ l-anzjani. L-pożizzjoni ta’ l-anzjani fi ħdan is-sistema tas-saħħa tmur lil hinn mill-hekk imsejħa ‘bed blockers’ jew mis-‘social cases’ li tant nisimgħu dwarhom. U ppermettuli nirrimarka li hemm bżonn niefqu nagħtu titli lin-nies li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna u għandna nħarsu b’lenti ħolistika lejn il-bżonnijiet tal-persuna.
Minn dak li smajt s’issa, jidher ċar li s-suġġett ta’ l-anzjani kien wieħed prominenti fid-diskussjonijiet li seħħew matul il-ġurnata. Ninsab ċerta li f’ dawn it-taħtidiet ħareġ ċar il-punt li hemm bżonn li nsawwru sistema ta’ kura li ma tkunx maħsuba biss li tipprovdi kura għall-mard akut, iżda li tkun kapaċi tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ numru, li qiegħed dejjem jikber, ta’ anzjani li jbatu minn mard kroniku ieħor, bħal per eżempju d-demenzja.
Fl-aħħar mill-aħħar, nemmen li l-mira prinċipali tal-gvern fil-qasam tal-kura ta’ l-anzjani għandha tibqa’ tkun dik li, kemm jista’ jkun, l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u jirċievu l-kura li jeħtieġu f’ darhom. Din m’hix biss hija x-xewqa ta’ kull anzjan u anzjana, iżda għandha tkun il-mira ewlenija tagħna, billi noffru dawk is-servizzi li huma meħtieġa mill-anzjani biex ta’ bilħaqq ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunita’.
F’dan ir-rigward, huwa tajjeb li ngħarblu l-qagħda preżenti u l-isfidi li għandna quddiema mill-lenti tat-tliet pilastri li fuqhom il-Kummissjoni Ewropea rrakomandat li tinbena l-istrateġija nazzjonali għat-tiġdid tas-sistemi tas-saħħa u l-kura fit-tul, jiġifieri l-aċċessibiltà, il-kwalità u s-sostenibbiltà.
Irridu nkomplu naħdmu biex intejbu l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul għall-anzjani. Bil-mod kif qiegħdin nistennew li n-numri ta’ anzjani jiżdiedu, ser ikollna nippjanaw biex inżidu l-kapaċità biex nittrattaw l-anzjani. Dan jgħodd kemm ghal dawk il-proċeduri li jagħmlu użu minnhom l-anzjani kif ukoll mill-faċilitatjiet għal-kura fit-tul. Biex nevitaw sitwazzjonijiet ta’ stennija fit-tul għal ċerti servizzi, rridu nagħmlu żewg affarjiet: irridu nżidu l-kapacità fejn dan jeħtieg li jsir, iżda daqstant ieħor irridu nassiguraw li verament jibbenefikaw mis-servizz dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Aspett ewlieni tal-kura ta’ l-anzjani huwa r-riabilitazzjoni. Anzjan li jimrad jaf idum aktar biex jirkupra minn bniedem ta’ età żgħira. Kien għalhekk li l-Gvern ħa d-decizjoni li jkompli jżid in-numru ta’ sodod għar-riabilitazzjoni permezz ta’ bini ġdid ta’ madwar 250 sodda viċin San Vinċenz de Paul.
Filwaqt li l-aspett ta’ aċċessibiltà huwa importanti, mhux inqas importanti huwa l-aspett tal-kwalità tas-servizzi li noffru lill-anzjani tagħna. Jeħtieġ li lill-anzjani niggarantulhom livell ta’ kwalità li ma jkunx inferjuri għal dak li tgawdi minnu l-bqija tal-popolazzjoni. L-anzjan m’ għandu qatt jkun meqjus bħala ċittadin tat-tieni klassi, li jaċċetta kull livell ta’ servizz basta jinqeda. Barra mill-inġustizzja ta’ atteġġjament bħal dan, huwa fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-anzjani, bħal bqija tal-popolazzjoni, qegħdin dejjem jistennew, u bir-raġjun, servizzi ta’ l-ogħla kwalità. F’dan ir-rigward, nieħu pjaċir ngħid li qegħdin naħdmu fuq qafas legali regolatorju li jiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi fid-djar kollha ta’ l-anzjani.
Ir-responsabiltà tal-gvern m’ hijiex biss li jaqdi lill-anzjani billi joffrilhom servizzi aċċessibbli u ta’ kwalità, iżda hija wkoll li jiżgura li s-sistema li tiġġenera dawn is-servizzi tkun waħda sostenibbli fit-tul. F’dan ir-rigward, l-ikbar sfida ġejja mill-fatt li l-faxxa ta’ nies li l-iktar ser jagħmlu użu mis-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija propju dik ta’ l-anzjani. Studji lokali juru li ħafna minn nefqa annwali ta’ l-isptarijiet tal-Gvern hija fuq l-anzjani. Is-sistema preżenti ta’ finanzjament li permezz tagħha anzjani li jidħlu f’dar residenzjali tal-gvern jew fl-isptar San Vincenz de Paul titteħdilhom perċentwali mid-dħul tagħhom, u dawk li jagħmlu użu mis-servizzi ukoll jikkontribwixxu xi ħaġa żgħira, qed jiggarantixxi ċertu livell ta’ sostenibiltà ta’ dawn is-servizzi kruċjali.
Iżda tajjeb inżommu quddiem għajnejna li għal kull lira li joħorġu l-anzjani, l-Gvern qiegħed joħroġ Lm 4 biex ikun jista’ jiffinanzja s-servizzi li jingħataw fil-komunità u fid-djar residenzjali. U tajjeb li nżommu quddiem għajnejna wkoll li hawn m’aħniex ninkludu l-ispiża ta’ l-isptarijiet fejn studji interni wrew li ħafna min-nefqa ta’ l-isptarijiet tal-Gvern hija fuq l-anzjani.
Qabel ma nikkonkludi, ippermettuli li nerġa’ nagħmel riflessjoni qasira dwar il-proċess konsultattiv li qiegħed isir mill-Ministeru tagħna. Jien nemmen li din kienet verament opportunità biex aħna nieħdu feedback dwar il-preġiu d-difetti tas-sistema tas-saħħa u l-kura fit-tul kemm minn dawk li ta’ kuljum jipprovdu s-servizzi kif wkoll minn dawk li jużawhom.
Ippruvajna nagħmlu l-usa’ ftuħ possibbli għad-djalogu mad-diversi stakeholders, u nittama li ma ħallejna lil ħadd barra. U jekk kien il-każ li ħallejna xi nies barra nitolbukom skuża u nistidnukom tinfurmawna għall-ġejjieni. Jidher ċar li kemm fil-focus groups kif ukoll fil-workshops kien hemm parteċipazzjoni attiva u onesta li żgur ser tgħinna nifhmu aħjar x’hemm bżonn isir biex is-sistema tas-saħħa u l-kura fit-tul tibqa’ tissaħħaħ. Nemmen ukoll li dan il-proċess konsultattiv serva biex aħna nsiru nafu aktar mill-qrib ‘l kull min huwa nvolut b’xi mod f’ dawn l-oqsma tant importanti għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Din il-viċinanza hija fundamentali biex aħna lkoll niġbdu ħabel wieħed għat-twettiq tar-riformi li hemm bżonn isiru.
Nassigurawkom li l-idejat u l-esperjenzi kollha li ntom qsamtu magħna f’dawn il-ġimgħat ser jikkontribwixxu għat-tfassil tar-rapport finali li ser jasal fuq il-mejda tal-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rapport ser ikun magħmul minn għadd ta’ rapporti li jittrattaw id-diversi aspetti tas-sigurtà soċjali, u fosthom wkoll is-saħħa u l-kura fit-tul. Qabel ma nagħlaq, ippermettuli infakkarkom li dan il-mument għandu jkun il-bidu ta’ l-isforz kollettiv tagħna lkoll biex nimplimentaw il-bidliet neċessarji biex pajjiżna jkollu sistema tas-saħħa u kura fit-tul iktar moderna, effiċjenti u sostenibbli.
Ippermettuli nagħlaq billi għal darb’oħra nirringrazzja lil kull min ipparteċipa u b’mod partikolari lil dawk li kienu strumentali biex ikunu organizzati l-focus groups u l-konferenza tal-lum; u lil dawk li x-xogħol tagħhom huwa li dak li ddiskutejna jkun il-bażi ta’ dak li rridu nipplimentaw. Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958