ATTRAZZJONI GHALL-MALTIN U L-BARRANIN
Il-Malta Jazz Festival din is-sena ser jittella’ bejn il-21 u t-23 ta’ Lulju. Il-Festival ser jiġi organizzat mill-NnG Productions f’isem il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Fl-ewwel jum tal-Festival, il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju se jieħdu sehem il-Chris Spiteri Band, Thabani u The Original - Blues Brother b’Eddie Floyd bħala mistieden speċjali. Fit-tieni jum, is-Sibt 22 ta’ Lulju se jipparteċipaw Emily Bezar, Tunnels bil-parteċipazzjoni ta’ Percy Jones u l-Bill Brutford’s Earthworks bil-parteċpazzjoni ta’ Tim Garland. Fl-aħħar jum tal-Festival, il-Ħadd 23 ta’ Lulju se jieħdu sehem Renzo Spiteri flimkien ma’ mistiedna speċjali, Ian Ritchie’s – Soho Project u Alan Parsons – Live Project.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Malta Jazz Festival 2006 waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet. Hu qal li dan il-Festival hu avveniment importanti fil-kalendarju sajfi ta’ pajjiżna. Hu qal li dan kien ta’ attrazzjoni sew għall-Maltin li kienu jħobbu din it-tip ta’ mużika kif ukoll għall-barranin li jkunu fostna biex iqattgħu l-btajjel tas-sajf. “Il-festival hu wkoll opportunità għal dawk kollha li jħobbu l-mużika biex jiltaqgħu u jqattgħu flimkien tliet serati mill-isbaħ taħt is-swar tal-Port il-Kbir fejn l-istorja tintagħġen ma’ l-arti biex tħalli esperjenza li bħalha diffiċli jkollok f’pajjiżi oħra,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Festival issa ilu jittella’ għal dawn l-aħħar 16-il sena. Hu qal li fih tiġi ppreżentata mużika jazz li hi meqjusa bħala waħda mill-iżjed espressjonijiet mużikali raffinati u ta’ eċċellenza.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din is-sena qegħdin inwettqu wkoll esperjenza ġdida. Hu qal li filwaqt li sa sena ilu dan il-festival kien jittella’ mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, minn din is-sena l-Malta Jazz Festival kien qed jiġi organizzat minn kumpanija privata li għandha esperjenza fl-organizazzjoni ta’ kunċerti u li ġabet artisti prominenti f’pajjiżna.
“Filwaqt li l-Gvern qiegħed jinvolvi dejjem aktar lill-privat fl-organizazzjoni ta’ attivitajiet li jkunu fuq skala nazzjonali fl-istess waqt irridu li dawn l-attivitajiet jkomplu joffru l-opportunità lil artisti Maltin sabiex joħorġu t-talenti tagħhom. Il-Gvern irid ukoll li dawn il-festivals ikunu vetrina ħajja ta’ attivitajiet immirati lejn li ntejjbu u ngħollu l-prodott Malti biex inkunu nistgħu nikkompetu ma’ destinazzjonijiet oħra fil-qasam turistiku,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li f’sinerġija ma’ l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu qed insaħħu il-bejgħ ta’ dan il-Festival barra minn xtutna għax nemmnu li dan il-festival għandu potenzjal fost dawk li jżuruna. Il-Ministru Zammit Dimech radd ħajr lil Charles ‘City’ Gatt għall-mod kif bena dan il-festival u għad-dedikazzjoni u l-viżjoni tiegħu. Hu awgura kull suċċess lil NnG Productions li se jidħlu għall-organizazzjoni ta’ dan il-Festival.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958